Sentejn ilu, Jason Azzopardi kien qal li kien canvasser ta’ Adrian Delia li bagħatlu l-kokaina.

Il-bieraħ Jason Azzopardi, Karol Aquilina, David Casa u Simon Busuttil ħarġu stqarrija flimkien biex ifakkru li sentejn ilu, huma kienu rċevew qratas bil-posta li kien fihom il-kokaina. Talbu lill-pulizija biex tinvestiga. B’hekk qed jistaqsu fejn jinsabu l-investigazzjonijiet tal-pulizija f’dan il-każ.

Infakkar li ftit tal-jiem ilu, The Times kienet ħarġet bi storja li l-pulizija qed tinvestiga dan il-każ u saħansitra assoċjat dawn l-envelopes ma’ Yorgen Fenech. Tant li The Times qalet li dawn il-qratas kienu ntbagħtu wara li l-istess gazzetta kienet ħarġet bl-istorja ta’ 17Black. Infakkar li The Times kienet anki tat prominenza kbira lill-post li kien tella’ Jason Azzopardi fuq dan il-każ.

Jien kont ktibt u għidt li meta Jason Azzopardi ħareġ din l-istqarrija, sħabu stess li semma’, jiġifieri Karol Aquilina, David Casa u Simon Busuttil ma għamlux share tal-post tiegħu. Jidher li dan il-post tiegħi tah ġewwa lil Jason Azzopardi u b’risposta, il-bieraħ, Azzopardi flimkien mat-tliet persuni l-oħra involuti f’din l-istorja ħarġu stqarrija flimkien fuq dan il-każ.

Din l-istqarrija ġabitha Lovin Malta. U x’ġara? Ġara li Lovin Malta spiċċat tgiddeb lil The Times u lil Jason Azzopardi. Waqt li dawn it-tnejn kitbu storja biex jagħtu l-impressjoni li Yorgen Fenech qed ikun investigat fuq dawn il-qratas tad-droga mill-pulizjia u saħansitra qalulna li Yorgen Fenech uża l-bitcoins biex jakkwista il-kokaina, Lovin Malta, li hija qrib il-pulizja, qaltilna fil-heading tal-artiklu tagħha li l-Pulizja għadha ma tafx min bagħat il-Kokaina lil dawn l-erba’ min-nies. Mela għala The Times ħarġet b’dik l-istorja biex tgħid li Yorgen Fenech qed ikun investigat? Issa nafu li l-pulizija għadha ma tafx min bagħat dawn il-qratas.

Dak li nista’ niżvela huwa li meta Jason Azzopardi kien irċieva qratas bil-kokaina sentejn ilu, hu kien waħħal f’wieħed mill-canavassers ta’ Adrian Delia. In fatti Jason Azzopardi kien qal lill-grupp parlamentari, f’waħda mill-laqgħat, li din id-droga kokaina kien bagħtilu canvasser ta’ Adrian Delia. Infakkar li meta Azzopardi qal hekk kienet ġa ħarġet l-istorja ta’ 17Black. Illum Azzopardi biddel il-verzjoni.

Ma għandix dubju li dawn il-qratas ma kienx bagħathom l-ebda kanvasser ta’ Adrian Delia. Biss jidher ċar li Azzopardi qed juża din l-istorja kif jaqbel lilu u jibdel id-diska skont iż-żifna u l-media qedha tiżfen miegħu. Min-naħa tiegħi, jien ktibt lil Jason Azzopardi biex jikkonferma jew jinnega din l-informazzjoni. Biss sal-lum ma tani l-ebda risposta.

Din l-istorja turi kemm verament il-media u dan il-politiku qed jilgħab logħba kerha. Ma hemmx dubju li l-media qed tmexxi aġenda maħmuġa kontra Yorgen Fenech.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *