Ma jridux lil Angelito Sciberras jieħu ħsieb il-kampanja elettorali
Bernard Grech xtaq lil Angelito Sciberras biex jieħodlu ħsieb il-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista. Biss grupp intern ta’ nies fil-Partit Nazzjonalista għamluha ċara ma’ Bernard Grech li ma jridux lil Angelito Sciberras f’din il-kariga.
Wieħed irid jiftakar li din il-persuna għandha ħafna snin ta’ esperjenza f’dan il-qasam. Kien ukoll imexxi l-Elcom, is-sezzjoni nkarigata mill-elezzjonijiet kemm interni kif ukoll nazzjonali f’dawn l-aħħar snin.
Għalkemm Angelito Sciberras kien tbiegħed mill-Partit Nazzjonalista għal raġunijiet personali tiegħu, huwa aċċetta l-istedina ta’ Dr Bernard Grech biex imexxi l-istrateġija meħtieġa f’elezzjoni ġenerali.
Sfortunatament l-establishment ma aċċettax din l-istedina mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Grupp ta’ nies li jifforma parti minn dan l-establishment protestaw bil-qawwi għal din id-deċizjoni. Dawn marru għand Bernard Grech fejn qalulu li jekk jidħol lura Angelito Sciberras, jitilqu huma.
Fost dawn kien hemm xi ġenerali li ġew imponuti fuq Dr Grech f’dawn l-aħħar ġimgħat. Kif jgħid il-Malti b’mod metaforiku, dawn in-nies lil Dr Grech poġġewlu revolver ma’ rasu. Dan ta’ Angelito Sciberras huwa eżempju wieħed ta’ nies li Dr Grech prova jiltaqa’ magħhom imma xorta kellu reżistenza mill-establishment. L-informazzjoni li għadha kif għaddiet għandi hija li Angelito Sciberras reġa ltaqa’ ma’ Dr Bernard Grech fejn infurmah li hu ma għadux interessat f’din il-kariga.
Naqbel ma’ Angelito Sciberras għax persważ li jekk jidħol għal dan ix-xogħol, meta jaf li l-establishment huwa kontra tiegħu, dan kien ser ikollu jikkumbatti kull idea li seta’ joffri jew iressaq lil Dr Bernard Grech.