Issa li l-elezzjoni tinsab wara l-bieb, il-mexxejja politiċi tagħna għandhom għal xix jitolbu skuża

Blog post minn osservatur politiku

Illum l-Għid il-Kbir. Biss waħda mill-aħbarijiet fil-gazzetti tal-lum kienet li l-Partit Laburista ġa xegħel il-magni biex jipprepara ruħu għall-elezzjoni li jmiss. Id-data mhix magħrufa. Biss jidher li kif kont ħabbart inti, Dr. Simon Mercieca, l-elezzjoni ser issir f’din is-sena.

Dak li għamel il-Labour kien li matul is-sena li għaddiet ħa ħsieb jgħaqqad l-irjus biex jipprepara ruħu aħjar għal din l-elezzjoni. Nista’ ngħid li grupp ta’ nies li għinu lil Robert Abela fil-kampanja tiegħu għal mexxej, imħallta ma nies ta’ żmien Muscat, bdew jiltaqgħu fir-raba’ sular tal-kwartieri tagħhom. Dan il-grupp ta’ nies qed jiġi ndikat li qed jitmexxew minn Kurt Farrugia.

Imma hekk kif it-Times ħabbret li l-Labour bdew iħejju għall-elezzjoni, dlonk ħarġet il-Malta Today tgħidilna li l-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, qed twissi lil Robert Abela li għandu jitlob apoloġija lill-partitarji u lil poplu kollu ta’ kif il-Labour taħt Muscat tmejjel bihom. Jekk taqra bejn il-linji, Coleiro Preca qed tgħid li Muscat tmejjel biha ukoll wara li kienet tagħtu appoġġ. Iżda żgur li f’qalbha għandha wkoll weġgħa kbira li kien l-istess Muscat, immexxi minn Keith Schembri, li qatalha l-karriera politika tagħha ħesrem. Din mhux l-ewwel darba li smajna lil Coleiro Preca tesprimi li hi kienet xtaqet tkompli bil-karriera politika tagħha.

Li kieku l-klikka ta’ Kastilja ma riedux jeħilsu minnha biex jagħmlu d-deals maħmuġa li issa ħarġu fil-beraħ, kieku Marie-Louise illum għadha Ministru. Coleiro Preca kieku f’dan il-perjodu għaddejja bit-team tagħha, li dejjem kien numru mdaqqas ta’ nies, u qed tħejji ruħha, kif qed jagħmlu kandidati oħra, biex toħroġ għal elezzjoni oħra. Kieku l-votanti tas-6 distrett ma kienx ikollhom inkwiet lil min jagħżlu wara l-fjask li ħalliethom bih d-deputat eletta Rosianne Cutajar.

Imma ħarġet ċara li Keith Schembri ried jaġevolha lil Rosianne Cutajar u b’hekk ħelsu ħelu ħelu minn Marie-Louise Coleiro. Fuq kollox, nista’ niżvela li Coleiro Preca kienet leħen qawwi fil-kabinett ta’ Muscat speċjalment fuq issues soċjali u mhux dejjem kienet taqbel mal-mudell ekonomiku li beda jmexxi Keith Schembri. Issa wara dawn il-kuntrumbajsi kollha nistennew u naraw jekk it-tifel ta’ George Abela jieħux il-parir ta’ Coleiro Preca u jitlob apoloġija.

Imma ħa nagħmluha ċara dan il-parir jista’ jieħdu u għandu wkoll jingħata lil Bernard Grech. Bernard Grech għandu għalxix jitlob apoloġija lin-Nazzjonalisti. Dawn għall-ewwel darba vvutaw biex jeleġġu kap bl-iżjed mod demokratiku fl-2017. Imma minħabba grupp żgħir ta’ deputati, Adrian Delia tneħħa wara biss 3 snin. Nixtieq infakkar li dak li qed titlob il-President Emeritu, Adrian Delia kellu d-diċenza jagħmlu mill-ewwel. Mhux darba li Dr Delia talab apoloġija lil dawk kollha, Nazzjonalisti u m’humiex, li b’xi mod jew ieħor il-PN weġġagħhom fil-passat. Imma nafu wkoll li kien hemm min fil-Partit Nazzjonalista li ma ħax gost b’dik l-apoloġija ta’ Dr Delia.

Iż-żewġ mexxeja għandhom għalfejn jiskużaw ruħhom mal-poplu. Imma l-mistoqsija tibqa, għandhom sinsla jagħmlu dan?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *