Bżonn ta’ aktar dawl bil-lejl
Ittra mingħand lettur ta’ dan il-blog.
Fix-xogħol tiegħi jeħtieġni nsiefer ta’ sikwit. Għalkemm il-pandemija rrestrinġitni xi ftit, biss xorta ma kull possibilita’ jkolli nħalli pajjiżi. Il-ħinijiet dejjem varjaw u ħafna drabi nasal Malta matul il-lejl. Kull darba meta toqrob fuq Malta bil-lejl tħares lejn l-art tagħna tgħid f’qalbek imma għaliex din artna qiesha qiegħda fid-dlam.
Ħa nagħti eżempju. Kull min isiefer jaf li kemm-il darba l-ajruplani jinżlu minn fuq il-freeport. Hemm tara differenza enormi. Il-freeport jagħtik impressjoni li qed toqrob matul il-ġurnata bid-dawl abjad u qawwi tiegħu, imbagħad titfa’ għajnejk ftit il-bogħod u taħsbek qed tara presepji bi ftit dwal safrani. Kif ngħidu aħna l-Maltin qisna fil-limbu.
Kull min isiefer jinduna li meta tħares lejn pajjiżi oħra tara dawl abjad u qawwi ma kullimkien. Kull fejn tmur mhux l-ajruport biss ikun mixgħul b’dawl qawwi. Il-paragun ma pajjiżna tagħmlu mingħajr ma trid u tirrejalizza kemm aħna drajna ngħixu ġo pajjiżna b’ambjent mudlam. Imma issa hemm l-interconnector. Allura hemm inqas spejjeż. Fuq kollox il-powerstation taħdem bil-gass. Mela l-ispiża tal-enerġija ma għandhiex tkun skuża. Għaliex m’għandniex ikollna aktar dawl fit-toroq tagħna?
Kull ġenitur jinkwieta għall-uliedu li jkunu jridu jirritornaw f’toroq kemm kemm imdawlin. Niftakar sewwa meta ttieħdet id-deċizzjoni li jinbidlu l-bozoz għal dawl safrani għax jaħlu ħafna nqas. Dak iż-żmien kienu qalulna li hemm bżonn isir hekk biex niffrankaw l-ispiża elettrika li kien qed iħallas għalija kulħadd. Naqbel. Jekk kien hemm bżonn ta’ sagrifiċċju jrid isir minn kulħadd.
Imma għaliex baqgħu ma nbiddlu qatt meta issa nafu li l-ispiża tal-enerġija naqset ħafna meta daħħalna l-interconnector. Jien nixtieq inressaq dan il-ħsieb għall-konsiderazzjoni tal-politiċi mingħajr ebda partiġġjaniżmu lejn xi partit minnhom. Biex isir xi ħaġa f’pajjiżna ma għandniex għalfejn noħduha qisu qed jagħmilha dak jew l-ieħor. Jekk hija proposta li għandha tiġi konsidrata, x’jimpurtani jien min jagħmilha.
Il-gvern kien qed iħares lejn investiment ieħor qawwi biex ikollna t-tieni interconnector mal-grid ewropeja. Tajjeb ħafna. Nisperaw li jsir u hekk, iktar u iktar ma jkunx hemm ebda skuża li l-bliet u l-irħula tagħna jerġgħu jieħdu l-ħajja fis-siegħat meta tinżel ix-xemx. Pajjiżna huwa attrazzjoni turistika. Pajjiżna jrid jgħix minn fuq it-turiżmu. Kif nistgħu nibqgħu ngħixu fil-limbu u ma nagħtux każ għat-tgergir li jsir għax id-dawl tagħna huwa baxx. Kif nistgħu fl-2021, titpeċpeċ meta timxi fit-toroq bil-lejl.
Jien nittama li din tittieħed bħala proposta u nispera ma ssib ebda oġġezzjoni minn ċittadini Maltin u Għawdxin. Ejja nagħtu dehra ġdida lill-pajjiżna. Ejja nagħtuh id-dawl biex inkomplu nsebbħu l-madwar dejjem iżjed.