Jum il-Ħelsien: x’ifisser illum għall-għasafar bil-ġwienaħ tad-deheb?

Illum qed niċċelebraw Jum Il-Ħelsien. Biss jekk irridu jkunu ġusti magħna nfusna dan il-jum ġibnieh ma jfisser xejn jekk ma aħniex ser naqbdu l-barri minn qrunu u verament nagħtu lura lil Malta l-ħelsien tagħha. Malta m’hiex maħkuma mill-barrani imma l-għażiża artna nħakmet minn grupp ta’ nies egoisti, bla kuxjenza, u b’għatx kbir għal gwadan ta’ flus bla limitu. L-ammonti li qed jissemmew huma tant essaġerati li tibda taħseb jekk hux qed ngħixu f’xi belt Amerikana fejn il-miljunarji huma xi ħaġa normali u saħansitra tarahom jiġru mas-saqajn.

Imma ġo Malta tagħna biex iddawwar u taqla’ l-miljuni, minħabba ċ-ċokon u l-limitazzjonijiet tagħha, hija xi ħaġa tassew remota. Tant hija remota li ma tista qatt iddawwar il-miljuni b’ħidmitek imma biex tasal għall-miljuni trid tonsob xbieki kbar li ddaħħal fihom għasafar bi ġwienaħ indurati b’deheb fin. Milli qed jidher dawn l-għasafar veru passew lejn Malta u saħansitra waqfu jistrieħu f’pajjiżna tant li fornew lilhom infushom biżżejjed biex kaxkru magħhom ħafna iżjed toqol ta’ deheb. Ebda kaċċatur ma spara fuqhom għax sabu bejtiet preparati fejn jistkennu u jiftħu l-ġwienaħ tagħhom b’tali mod li min tħallat magħhom saħħaħ ukoll il-ġwienaħ tiegħu.

It-tajba hi li ħadd minn dawk li suppost għandhom għajnejhom miftuħin sewwa biex jaraw liema għasafar qed jersqu lejn pajjiżna u noqogħdu għassa tagħhom sewwa, ma indunaw li għaddew għasafar rari li ma tantx issibhom mas-saqajn. Bla ma trid tistaqsi imma kif jista’ jkun li f’pajjiż żgħir bħal tagħna jitħallew jingħaqdu dawn it-tip ta’ għasafar rari u b’karattri tant kuluriti li ħadd ma jinduna li l-bejta li bnew hawn Malta kienu qed jidħlu fiha anke għasafar Maltin?

Mid-dehra tant għalaqna għajnejna sena wara sena li kien inutli li kabbarna x-xbieki tagħna għax xorta ma rnexxielna naqbdu lil ħadd. Kellha tkun xibka ħafna l-bogħod minn pajjiżna li xpakkat u taru minnha ħafna rix li bil-kuluri sinjuri tagħhom ġibdu, fl-aħħar, l-attrazzjoni neċessarja u bdejna nifhmu xi kwalita ta’ għasafar kellna jew ġew iżuruna f’pajjiżna. Din bdiet it-triq li ħaditna lejn l-ismijiet diversi ta’ dawn l-għasafar li sfruttaw il-bejta li kibret ġmielha ġo pajjiżna.

B’xorti kbira għal Malta, dawn l-għasafar bdew jingħalqu ġo gaġġeġ li ma tantx jattirawk u li ma humiex l-aktar gaġġeġ idejali li tqatta’ ġranet u ġimgħat fihom. Imma s-sabiħ ta’ dawn il-gaġġeġ huwa li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd u meta jiftħu l-bibien tagħhom jilqgħu fihom kull kwalita’ ta’ għasfur, kemm dawk maħbubin minn ħafna nies kif ukoll dawk ftit magħrufa. Kemm hu sabiħ u idejali li dawn il-gaġġeġ ma jitħassru lil ħadd imma jdaħħlu fihom lil kull għasfur li diġa ħadu deċizzjoni fuqu jew lil dawk li għadhom qed jistudjaw il-mossi tagħhom.

One thought on “Jum il-Ħelsien: x’ifisser illum għall-għasafar bil-ġwienaħ tad-deheb?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *