Anzjan jinkwieta x’ser jiġri minnu wara li joħroġ mill-isptar

Għażiż Dr Mercieca

Jien anzjan ta’ 87 sena. Kont noqgħod id-dar mal-familjari tiegħi u kont qed ngħix ħajja tajba, kuntenta u għadni b’moħħi tajjeb sa fejn naf jien. Imma l-problemi li qed toffri l-pandemija huma kbar. Issa deffes denbu x-xitan u xi sitt ijiem ilu waqgħajt u spiċċajt l-isptar bi ksur. It-tobba qed jgħidu li ma jistgħux joperaw għal raġunijiet li jiena ma nistax niddubithom la ma nifhimx.

Imma qed jieħdu ħsiebu u jagħtuna kull għajnuna li huma jħossu neċessarja. Biss ħa nammetti mill-ewwel, qed inħossni abbandunat, imdejjaq u qisni wieħed li tlift kull ma kelli fil-ħajja. Kif ser naqbad ngħid għax qed inħossni waħdi wisq wara li tlift lill-marti u liż-żewġ uliedi. Kont qed ngħix mal-mara ta’ wieħed mit-tfal tiegħi u ma’ żewġ uliedha, li allura jiġu n-neputijiet tiegħi. Dawn kienu jgħatuni l-importanza meħtieġa imma issa donnhom inqatgħu għal kollox. L-uniku mezz ta’ komunikazzjoni magħhom huwa t-telephone. Jiena nasal biex nibgħat din l-email bil-mod, imma tgħidlix wisq iżjed.

Il-gazzetta li kont nirċiviha d-dar kuljum għalija kienet kumpanija kbira. Tgħallimt nibgħat xi email lit-tfal ta’ ħuti għax biċċiet minnhom jgħixu barra. Kemm hi iebsa li tispiċċa l-isptar waqt din il-pandemija. Ħadd ma jista’ jiġi jarak. Hawn mimdud, għax kemm kemm nista’ ninżel fuq il-pultruna u ngħodd dak li qed nara fis-saqaf. Qed nirrealizza kemm hi kerha s-solitudni.

Id-dar qatt ma ħassejtni waħdi għax jekk kont ngħajjat xi ħadd kien jismani u jiġi. Hawn in-nurses għandhom x’jagħmlu u m’għandhomx lili biss. Ser niftaħ qalbi beraħ miegħek Dr Mercieca għax qed nibża’. Ħajti saret iddur mat-telephone u llum iddeċidejt li nibagħtlek din l-email. Irrid ngħidlek li jien dejjem segwejt il-kitba tiegħek u naf li kellek nies jiktbulek, allura għamilt bħalhom.

Qed inħoss li l-kuntatt mal-membri tal-familja, li kont ngħix magħhom, naqas. Qed inħoss li donnhom tilfu l-interess fija. Qed inħoss li ser inkun ta’ pis kbir għalihom issa li x’aktarx ma nkunx nista’ nimxi sew. X’jiġrilek hu meta tikber u tixjieħ! Ħalli ngħidlek jiena ħdimt ħajti kollha għalihom u tajthom kull ma kelli għax dejjem għidt, mhux kollox għalihom. Issa ara xi ġrali, ma nafx x’ser jiġri minni u donnhom ma jridux jgħiduli x’ser jagħmlu bija meta t-tobba jgħiduli li nista’ mmur.

Din iebsa wisq li ma tkunx taf x’ser jiġri minnek. Meta nistaqsi jgħiduli issa naraw. Jekk xi ħadd isaqsini fejn irrid immur jien dejjem ngħid li jien irrid immur id-dar. Imma x’ħin niftakar li wliedi ma humiex hemm biex jilqgħuni, nibda ngħid imma dawn li hemm id-dar iriduni magħhom? Naf li ser noħolqilhom problemi minħabba li ġrali. Imma tgħid jagħtu każ ta’ dak kollu li għamilt għalihom matul ħajti? Jiena qatt ma bżajt li nixjieħ. Qatt ma bżajt mill-mewt. Qatt ma kont diffiċli ma ħadd. Qatt ma ħloqt problemi lil ħadd.

Imma issa ħej għandi problema kbira jien. Taf x’qed nibża minnu Dott? Nibża li jitfgħuni f’xi home u jabbandunawni hemm. Dott jien qed inbati ħafna għax għandi l-uġigħ, imma l-uġigħ tal-ksur ma’ hu xejn ħdejn dan it-thewdin li għandi ġo rasi u din li ma tafx x’ser jiġri minnek iebsa ħafna.

Skużani jekk dejjaqtek. Imma jien ktibtlek biex jekk tista’ Dr Mercieca tgħaddi messaġġ lil dawk in-nies li għandhom familjari l-isptar bħali, biex jiftakkru fihom u jgħatu kashom. Jien nemmen fil-ħniena t’Alla imma b’qalbi maqsuma ngħidlek li mhux sew li familjari jagħmlu hekk lil min hu suppost għażiż għalihom. Meta l-moħħ jibda jhewden m’hemmx agħar minnu.

Ħa ngħidlek Dott x’qed naħseb. Tgħid iridu jeħilsu minni biex ifittxu jieħdu dak li jien għidtilhom li ser inħallilhom? Jekk hu hekk ngħid mea culpa u nieħu l-okkazzjoni biex niftaħ għajnejn il-qarrejja tiegħek. Xi kultant ngħid ukoll. Kont qisni r-re mal-mara u wliedi. Issa qed nħossni li, ħa ngħidha bl-ingliż, ‘they don’t want the king at home but they want his kingdom’.

Skużani ftit fit-tul u aħfirli għall-iżbalji tal-ortografija. Grazzi u nselli għalik u ibqa’ ikteb ħalli jkolli x’naqra.

Leave a Reply