L-ipokrezija ta’ The Times
Mela, meta l-maġistrata Rachel Montebello tefgħet lili taħt disprezz, The Times u l-gazzetti l-oħra qatt ma qalu li l-maġistrata qed tinkrimina l-ġurnalizmu. Anzi qalu li jien ksirt ordni ta’ din il-maġistrata meta jafu li dan mhux minnu u din kienet gidba tal-familja Caruana Galizia u l-avukat tagħhom Jason Azzopardi. Infakkar li dak in-nhar faħħruha lill-maġistrata. Infakkar li l-għaqda Repubblika anki talbet li jittiehdu passi kontra tiegħi minħabba dak li kont nikteb mingħajr ma qatt ksirt divjit tal-qorti.
Issa għax il-maġistrata misset lilhom, qed joqomsu. Huma kienu jafu li mhux suppost qed jippubblika dawn ic-chats għax hemm divjit tal-qorti fuqhom. Mela fejn hu l-attakk fuq il-ġurnalisti? Ma jridux li ssir investigazzjoni mill-pulizija għaliex jafu li dawn ic-chats ġejjin mingħand sors jew sorsi li mhux suppost qed joħroġhom għaliex marbut bis-sigriet professjonali li ma jippubblikahomx u ma joħroġhomx.
Hawn għandha pubblikazzjoni ta’ materjal li hemm divjit mill-qorti fuq il-pubblikazzjoni tiegħu. Mela ma hawn l-ebda kriminalizzazzjoni tal-ġurnalizmu. Hawn għandha ġurnalizmu tal-bigilla li jippretendi li l-liġijiet f’dan il-pajjiż ma jgħoddux għalih.
Ara meta l-familja Caruana Galizia għamlet ir-rikors tagħha kontra tiegħi lill-maġistrata Montebello, l-ebda ġurnalista jew media ma marret tgħid li din il-familja qed tattakka l-ġurnaliżmu ħieles.
L-ikbar problema li għandu l-ġurnaliżmu Malti llum hija problema ta’ kredibilita’.