Il-pulizija għandha taqbad min qed joħroġ iċ-chats ta’ Yorgen Fenech

Smajna li l-maġistrat Rachel Montebello tat ordni lill-pulizija biex jindagaw dwar kif qed toħroġ informazzjoni li suppost ma ħarġet qatt. Dan il-pajjiż bħalissa għaddej minn żmien fejn jidher li sar qiesu passatur. Pajjiżna nħakem minn ġurnalisti li bla skrupli qed jaraw kif jgħaddu minn xi toqba ta’ dan il-passatur biex jakkwistaw xi informazzjoni biex jagħmlu scoop minnha. Imma t-toqob tal-passatur ma jkunux indaqs u trattati bl-istess mod. Hawn fejn qed issir l-inġustizzja. Hawn fejn l-affarijiet mhux qed isiru sewwa. Infakkar li din l-istess maġistrat ġa tat ordni biex il-pulizija taqbad min tella’ biċċiet mir-recordings ta’ Melvin Theuma fuq Reddit. Sal-lum, ħadd ma jaf fejn wasslet il-pulizija bl-investigazzjoni tagħha.

Nirringrazzja lill-maġistrat li tat ordni diretta biex il-pulizija tara kif informazzjoni li mhux suppost qiegħda għall-użu tal-pubbliku qed titqassam u tinxtered fil-gazzetti u anke barra minn pajjiżna. Qed nuża l-kliem titqassam u tinxtered għax, anke l-mod kif qed toħroġ l-informazzjoni, qiesu hemm xi skema magħmula bil-ħsieb biex din l-informazzjoni toħroġ fil-ħin propizju.

Qed naraw kif l-informazzjoni qed toħroġ biex ħafna drabi taljena lill-qarrejja minn aktar affarijet importanti u serji li jkunu għaddejjin. Min għandu din l-informazzjoni, fl-opinjoni tiegħi, qed jużaha kif jaqbillu u jagħtiha lil min jidhirlu li jista’ jagħmel biha l-aħjar użu, skond il-pjan ta’ moħħu.

Eżempju ċar huma c-chats fil-mobile ta’ Yorgen Fenech li qed jiġu mikxufa u mqassma. Hija xi ħaġa diffiċli biex tifhimha kif mobile li suppost qiegħed f’idejn ftit nies u li huma marbuta bis-sigriet professjonali, dawn l-istess chats jispiċċaw isiru pubbliċi. Min qed joħroġhom qed jagħżel li joħroġ minnhom dak li jaqbel lilu. Tasal għall-konklużjoni li din il-persuna jew dawn in-nies għandhom f’idejhom, dak kollu li hemm f’dan il-mobile ta’ Yorgen Fenech. Il-pulizija kienet qaltilna li hemm numru kbir minn dawn ic-chats. Allura għaliex għadna smajna u qrajna bi ftit minnhom? Kif ser issir il-ġustizzja mixtieqa u meħtieġa jekk dawn ħerġin bil-“pezzi bukkuni”?

Sirna nafu minn ħafna għejjun ta’ informazzjoni li tibda’ tiddubita għandekx toqgħod fuqhom. Sirna nafu li hemm mijiet ta’ chats oħra ma’ dawk l-għexieren li ġa ħarġu. Fejn ser naslu f’dan il-pajjiż? Jiġifieri l-poplu ser joqgħod fuq il-karita’ insolenti u bla sens ta’ xi ħadd li jilgħab logħba perikuluża bl-informazzjoni li għandu f’idejh? Jiġifieri l-poplu ser jibqa’ jiġi rikattat minn xi persuna jew persuni, li akkwistaw dawn ic-chats b’mod legali jew illegali ma nafx, bħal li kieku qisna qed nilgħabu logħba chess u l-mossi tagħmilhom din il-persuna kif u meta trid u jaqbel lilha?

Hemm bżonn li dan il-pajjiż jisserja u jibda jħaddem sistema ta’ sigurta’ u ġustizzja li tkun ġusta ma kulħadd. Hemm bżonn li jekk il-pulizija jafu li kopja ta’ dak li hu suppost mistur minnhom, wasslet f’idejn nies magħrufa u magħżula, u jafu min qed ixerridhom, għandhom jieħdu passi kontra tiegħu jew kontra tagħhom.

Fuq kollox, jekk din l-informazzjoni spiċċat għand terzi, aħna l-poplu fit-triq għandna jkollna din l-informazzjoni kollha wkoll. Ma nistgħux nibqgħu għaddejjin minn sitwazzjoni qisna qed naraw xi telenovella fuq it-television u nistennew minn ġimgħa għall-oħra biex nifhmu dak li jkun imfassal mill-awtur. Dawn huma affarijiet ħafna serji, fejn min għandu din l-informazzjoni qed jilgħab bl-eżistenza tan-nies, bl-għajxien tan-nies u bil-ħajja privata tan-nies. Qed jilgħab ukoll bil-ħajja pubblika tan-nies, bix-xogħol tan-nies, bil-ħsieb tan-nies u bit-twemmin tan-nies. Dan mhux logħob. Dan jolqot l-eżistenza tan-nies. Dan jirrifletti fuq il-komunita’ ta’ kull wieħed u waħda minnha. Dan qed jirrifletti ħażin fuq pajjiżna. Dan qed ikollu effett fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna lokalment u internazzjonalment. Pajjiżna jitlob ħafna aktar serjeta’.

Nispera li din l-ordni tittieħed bis-serjeta’ mill-pulizija. Jekk le, il-qorti tkompli titlef l-fiduċja tal-poplu Malti.

Leave a Reply