Evarist Bartolo, Il-Massonerija u l-ġudikatura

Illum Evarist Bartolo  tella’ artiklu dwar il-massonerija u s-saħħa tagħha fil-ġudikatura u l-pulizija. Skont Evarist Bartolo, din l-għaqda għandha s-saħħa li twaqqa’ gvern. Hawn naqbel miegħu. Infatti, ftit qabel ma miet u l-aħħar messaġġi tiegħi ma’ Godfrey Grima kien fuq dan is-suġġett. Għal bidu kien xettiku ħafna Godfrey Grima dwar dan. Kien iħoss li l-għaqdiet massoniċi kienu xi għaqdiet illum tal-boyscouts. Biss ftit qabel ma miet, beda jaqbel miegħi. Kellna niltaqgħu biex niddiskutu fid-dettall dan il-punt, iżda d-destin ried mod ieħor.

Jien mhux ser nidħol fl-argument jekk fil-qorti hemmx il-massonerija jew le. Biss ma nistax ma nikkummentax fuq dan il-punt li għamel Evarist Bartolo.

Waqt li d-dritt ta’ assoċjazzjoni huwa sagrosant, kull persuna għandha dritt tkun membru ta’ setta jew grupp massoniku. Biss minħabba l-implikazzjonijiet u l-mod ta’ kif jaħdmu dawn l-għaqdiet, din l-adezzjoni għandha tkun waħda ddikkjarata. Jiġifieri jekk avukat jiġi biex jilħaq maġistrat jew mħallef, u huwa membru ta’ din l-għaqda, għandu jiddikkjara l-adezzjoni tiegħu u anki għandu jirreżenja minnha.  Jekk quddiemu jiġi avukat jew imputat, parti lesa, jew kif jgħidu fil-qorti attur, li huwa membru ta’ din l-għaqda u dawn kienu mal-maġistrat jew l-imħallef meta dan kien membru tagħha, il-maġistrat jew imħallef għandu jiddikkjara dan u jekk hemm bżonn jirrikuża ruħu.

Dan għandu jsir biex kulħadd ikun jaf fejn qiegħed. B’hekk tkun iggarantita l-imparzjalita’ tal-qrati u anki tal-amministrazzjoni tal-pulizija u jitneħħa kull dubju li jista’ jkun hemm xi forma ta’ favoritiżmu.

Fuq kollox, membri tal-ġudikatura llum ma jistgħux ikun membri ta’ għaqdiet filantropiċi. Jiġifieri jekk avukat jilħaq maġistrat jew imħallef, huwa jrid jirreżenja mill-għaqda li jkun fiha. .

Sa fejn naf jien, dan id-divjit ma jgħoddx għal dawk l-avukati li huma membri ta’ għaqdiet massoniċi. Jiġifieri, jekk hu mażun, ma għandux għalfejn jirreżenja mill-għaqda massonika li jinsab fiha. Hawn wieħed jistaqsi għaliex? Fuq kollox, dan għandu jgħodd ukoll għall-membri tal-pulizija.  

Leave a Reply