X’tgħid bil-Malti l-istqarrija ta’ Robert Hornyold-Strickland?
Ftit tal-ħin ilu tellajt l-istqarrija li ħareġ in-neputi ta’ Mabel Stickland, Robert Hornyold-Strickland. Mr Robert Hornyold-Strickland li għandu 13% ishma fl-Allied Newspapers qed jistaqsi għal-pariri legali biex jara kif jista’ jiġbor lura il-€5.5 miljun allegatament misruqa min-nies marbuta mal-fundazzjoni li kienet waqqfet zitu, Mabel Strickland.
Hu qed jikkontendi li kull min kellu x’jaqsam ma’ xi deċizzjoni meħuda għandu jiġi miżmum kontabbli għal għemilu. Hu qed jipponta subgħajh, speċjalment lejn Mario de Marco, membru tal-Parlament Nazzjonalista, li għandu ħafna saħħa u kontroll. Huwa kompla jgħid li “If these allegations are proven, then I believe all those who sat on the Boards of Allied and Progress at the time these decisions were taken should be tendering their resignations as should the Council of the Strickland Foundation who elected Adrian Hillman in the first place”.
Barra dan hu qed juri dubji serji dwar l-istrutturi “arcane and unaccountable” mibnija mill-familja Demarco rappreżentata llum minn Mario Demarco. Robert Hornyold-Strickland qed iħossu vindikat b’dak li ħiereġ il-qorti bħalissa għax hu ilu jqajjem id-dubji tiegħu għal ħafna snin, inkluż ukoll dwar il-ftehim tal-makkinarju tal-istampar. Huwa kompla jgħid li jħossu disgustat u rrabjat għal kif il-ħaddiema u l-istaff editorjali tal-gazzetta ġew traduti u li jkollhom jaħdmu taħt stress minħabba dawn l-allegazzjonijiet. Hu wiegħed li ser jagħmel dak kollu possibli biex jgħin lill-ħaddiema tal-gazzetta fi żmien tant diffiċċli. Hu wiegħed ukoll li ser joħorġu minn din is-sitwazzjoni aħjar u aktar b’saħħithom.
Mr Hornyold-Strickland jittama li ssir ġustizzja u li t-Times toħroġ minn dan l-iskandlu. Imma xi ħaġa qawwija li fiha x’tifhem, hija meta żied jgħid li hemm ħafna iżjed maħmum ma’ din l-istorja. Din rat il-bidu tagħha meta ebda persuna mill-familja Strickland qatt ma tħalliet ikollha siġġu, allura preżenza, fuq il-Fondazzjoni Strickland minn meta mietet Mabel Strickland. Hu sostna li hu kwalifikat bħala ‘forensic accountant’ l-Ingilterra u forsi jista’ jkun li din kienet ir-raġuni għala ma tħalliex parti mill-fondazzjoni. Huwa kompla “My aunt would be rolling in her grave”.
Mr Hornyold Strickland kompla jgħid affarijiet li huwa stess jaf li ħafna nies ma jafuhomx. Din hija li “following my Aunt Mabel’s death in 1988, Allied Newspapers Ltd fell under the effective control of her two executors Guido de Marco and Prof Joseph Ganado for 22 years, until their own deaths in 2010 and 2016 respectively. These two executors’ self-serving interpretation of my aunt’s will is now well documented in the court case I filed in January 2010 and is currently under appeal.”
Huwa jkompli jgħid li ġimgħatejn wara li ressaq il-każ tiegħu l-qorti fl-2010 huma malajr ittrasferew 78% shareholding li kellhom fil-gazzetta lil Fondazzjoni Strickland. Sa dik id-data l-eżekuturi żammew dawn l-ishma fuq isimhom personali (f’isem l-assi ta’ Mabel) għal 22 sena. Hu kompla “This situation, of course, gave them de facto control of the Strickland Foundation and thus indirectly the newspaper group because dividends from Allied represented the main source of income to the Strickland Foundation.”
Hornyold-Strickland kompla jispjega fid-dikjarazzjoni tiegħu li qabel sar dak it-trasferiment tal-ishma, l-eżekuturi poġġew lilhom infushom fuq il-Bord ta’ Allied u eleġġew lil żewġ uliedhom fil-Kunsill tal-Fondazzjoni Strickland. Minħabba din l-ispjegazzjoni li ġejja, Mr Hornyold-Strickland kellu jiftaħ it-tieni kawża l-qorti. Araw x’qal “Yet this 2010 transfer was illegal because the Strickland Foundation (as a registered body corporate) cannot be a shareholder since Allied is a private exempt company which only allows private individuals to be shareholders.”
Hornyold-Strickland ikompli jgħid li l-Fondazzjoni Strickland irnexxiela takkwista diversi miljuni ta’ euro f’dividendi minn Allied Newspapers Ltd, li kienet proprjetarja ta’ 99% ta’ Progress Press Ltd, qabel l-2010 għalkemm la kellha u lanqas jista’ jkolla ishma. Hawnhekk toħroġ ukoll xi ħaġa kurjuża fuq livell legali “I also want to know why a certain clause in Maltese company law came to be amended, by subterfuge, in 2013 over the definition of ‘body corporate’. So far no one, not even the last Prime Minister has been able to give me any explanation at all for this change.” L-aħħar ħaġa u forsi l-aktar oxxena u ta’ qsim il-qalb għan-neputi tal-fundattriċi hija li Mr Hornyold-Strickland qatt ma tħalla jara r-rapport intern dwar Adrian Hillman li ġie kommissjonat minn Allied Newspapers. Mr Robert Hornyold-Strickland għalaq id-dikjarazzjoni tiegħu b’dan il-mod: “This is a scandal.”
Sadanittant, Mario de Marco ħareġ stqarrija fejn qal li Robert Hornyold-Strickland kien ssekonda l-mozzjoni tiegħu biex Adrian Hillman ikun appuntat bħala direttur maniġerjali tal-Allied Newspapers Ltd. Biss waqt li din il-kwistjoni ma għandix iddur fuq attakk fuq xi karattru wieħed tal-bord, il-bord kollu li kien involut f’din l-istorja għandu jagħti rendikont sew ta’ egħmilu.