Il-kumitat ta’ Bormla u tal-Marsa ma ħadux sehem fil-Maratona ġbir ta’ fondi

Blog post minn osservatur politiku.

Il-bieraħ kellna l-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Nazzjonalista. Jiddispjaċini ninnota l-ipokrezija ta’ ċertu nies li tara hemm jippuppaw sidirhom, wara li kienu neqsin għal tlett snin sħaħ. Eżempju klassiku huwa Beppe Fenech Adami li fejn qatt ma ġabar xejn u qatt ma refa’ sebgħu fi żmien ieħor, din id-darba mar bl-eluf.

Imbagħad iridu jikkonvinċuni li dawn huma nies li jħobbu il-Partit. Jien kont, għadni u nibqa’ nemmen li dawn mhux nies li jaħdmu għall-Partit, għax kieku taħdem għalih dejjem, imma huma nies li jinqdew bil-Partit għall-ġid u l-akkwisti tagħhom infushom. Qgħadt nara l-kumitati li telgħu bid-donazzjonijiet. Anke hawn toħroġ ipokrezija grassa. Imma ħallihom jagħmlu huma.

Biss innotajt li la l-kumitat ta’ Bormla u lanqas il-kumitat tal-Marsa ma tfaċċaw. Kulħadd jiftakar li l-kumitat ta’ Bormla kien irreżenja en bloc bħala appoġġ għal dak li ġara Tas-Sliema. La ma tela’ ħadd ifisser li dan il-kumitat għadu mhux jaħdem. Possibbli persuna bħal ma hi Bernard Grech, professjonalment espert fil-medjazzjoni, għadu jimmedja ma’ dawn in-nies jew wieqaf għal kollox?

Kull risposta li jagħti turi li bl-argumentazzjoni tiegħu għadu il-bogħod biex jerbaħ in-nagħaġ mitlufa. Il-Marsa hemm storja oħra wkoll interessanti. Xi ħadd viċin ħafna tal-Marsin qalli li fil-Marsa hemm sitwazzjoni taħraq. Qalli li waħda tal-kumitat (jekk mhux ukoll il-President) kienet ukoll kunsilliera f’isem il-Partit fil-Kunsill Lokali tal-lokal. Din kienet irreżenjat u marret indipendenti.

Sa hawn fatti li vverifikajthom. Dan il-bniedem qalli wkoll li dik tiswa daqs tnax daqs kemm hi nazzjonalista ħarxa, imma qalli wkoll li kienet ħadmet ħafna għal Adrian Delia. U hawn ftaħt widnejja iżjed. Dan qalli li bagħtu għaliha l-amministrazzjoni tal-Partit imma mid-dehra uriethom li hi tigra feroċi u ħadd ma hu ser ipoġġilha bżieq fuq imneħirha. Kompla jgħidli li din xorta tefgħet l-applikazzjoni tagħha għall-kumitat tal-Partit tal-Marsa imma mid-dehra l-Partit ma laqgħax in-nomina tagħha u qalulha biex tirtirha. Dan ikkonfermali li hi ma rtiratix u waslet messaġġ ċar lill-amministrazzjoni tal-Partit li jekk iridu jkeċċuha. Minħabba f’hekk l-elezzjoni għall-kumitat għada ma saritx u jidher ċar li qed jittitubaw biex ikeċċuha. Din il-persuna qaltli li hi kienet il-mutur tal-kumitat tal-Marsa. Hi kienet torganizza u taħdem kemm tiflaħ u allura l-oħrajn kienu jaħdmu magħha u jgħinuha.

Sfortunatament il-Partit qed jaħsad dak li żera’. Jekk ser jibqa’ ma jirnexxielux jgħaqqad ser ikollu problemi kbar. Il-kattiverja li saret fit-tlett snin ta’ Delia qed tħalli effetti koroh. Jekk dak il-ġakbiniżmu mhux ser jiġi miġġieled u maqbud minn qrunu, ser ikun inutli li Bernard Grech joqgħod iħambaq fuq l-għaqda għax ser jibqa’ f’wiċċu.

Leave a Reply