Illum fil-Belt: Bernard Grech għandu jibda jnaddaf il-partit tiegħu stess.
Smajt id-diskussjoni organizzata mill-Partit Nazzjonalista dalgħodu fil-Belt Valletta. F’wieħed mill-messaġġi tiegħu Dr Grech qal dawn il-kelmiet,
‘U allura llum huwa faċli illi l-gvern jgħid li jiena, jiġifieri il-Prim Minstru, qed jagħmel minn kollox illi ser jirnexxielu jirranġa il-problema, għaliex l-istess persuni li jkunu ppersistew fl-iżball, l-istess persuni li komplew jagħmlu l-ħsara, ma jistgħu qatt jkunu l-istess persuni illi jsolvu l-problema u allura biex anki internazzjonalment mhux biss nazzjonalment din l-image tagħna titjieb, bil-fors irid ikollok team ta’ persuni differenti, bilfors irid ikollok partit differenti”.
Silta tassew interessanti. F’din is-silta, Dr Grech kien qed jindirizza lill-Partit Laburista u l-parlamentari tal-gvern. Dr Grech kien qed jgħid li l-gvern irid jitnaddaf mill-membri tal-parlament tiegħu. Dr Grech kien qed jgħid li għalkemm il-Labour ftit snin ilu ħadem biex ta wiċċ ġdid lill-partit tiegħu billi dawru f’moviment, xorta hemm bżonn ta’ partit differenti fil-gvern. Xorta hemm bżonn ta’ ħafna wċuh ġodda.
Hawn ser nistaqsi lil Dr Grech. Taħseb li din il-kwotazzjoni hija verament tajba kieku flok għamiltha lil partit fil-gvern għamiltha lill-partit tiegħek?
Kemm ili ngħidulek. Kemm ili nesprimi din l-opinjoni lejn il-Partit Nazzjonalista. Kemm ili nirrepeti illi l-Partit Nazzjonalista għandu bżonn tindifa mill-qiegħ. Kemm ili nikteb, nsemma’ leħni u nikkummenta li qabel mal-Partit Nazzjonalista jitnaddaf, iwarrab, jitfa’ fuq il-back burner, uċuh li telfu lil dan il-Partit għaxar elezzjonijiet wara xulxin, il-Partit Nazzjonalista qatt ma jista’ jieħu r-ruħ.
X’ironija! Dr Grech jindirizza messaġġ lill-Partit avversarju u ma jarahx dan id-diskors importanti għall-partit li qed imexxi hu stess. Mela Dr Grech qabel tiddeċiedi li tnaddaf l-għanqbuta qerrieda li ġabet telfiet kbar il-Partit Nazzjonalista qatt ma tista’ titfaċċa quddiem in-nies jew il-votant u tippretendi li tirbaħ. Inti stess qed tgħid li l-Partit rebbieħ, il-Partit Laburista li ta tkaxkiriet enormi lill-Partit Nazzjonalista, għandu bżonn isir Partit ġdid. Allura l-Partit Nazzjoanlista, partit tellief, partit imdamdam, partit imkisser, partit diviżiv, partit negattiv, partit li ħlief messaġġi antikwati mhux qed jgħaddi, x’suppost irid jagħmel?
Inti ħadt it-tmun minn għand ta’ qablek meta kont taf li dawk l-uċuh antikwati, tajbin għal ġol-vetrini, għamlu ħilithom kollha tul it-tlett snin ta’ tmexxija ta’ Adrian Delia, biex jagħtuh gambetti enormi u tfixkil kbir biss. Allura bi kliemek stess, dawn għandhom iwarrbu. Dawk li poġġewk hemm u li mhux qed iħalluk tmexxi għandek tneħħihom. Infakkrek li inti qed tgħid iswed u dawn qed joħorġu jgħidu abjad. Dawn għabbewk bl-għaqdiet tas-soċjeta ċivili li qed jiddettaw lill-partit l-aġenda politika tiegħu. Dawn qed jindaħħlu lill-kamra tal-aħbarijiet, jinforzaw in-narrattiva tagħhom.
Allura l-messaġġ li int għaddejt lill-partit fil-gvern huwa ħafna aktar idoneju għall-partit tiegħek stess. Mela għaliex ma tagħmilx kif jgħidu bl-Ingliż ‘walk the talk’ u għamel int fil-partit tiegħek dak li qed tippontifika u tippriedka lill-Partit Laburista?