Il-Ministru Evarist Bartolo jgħid li waqgħetlu daru!

The Malta Independent qasmet mal-qarrejja tagħha dan il-post imtella’ minn Evarist Bartolo, Ministru tal-Affarijiet Barranin.

Mingħajr ebda dubju dan il-Ministru kien qed jirreferi għas-sitwazzjoni ta’ pajjiżna llum. Kien qed jirreferi wkoll għal dak li ġara ftit ġranet ilu meta ttellgħu l-qorti ħdax-il persuna. Kien qed jirreferi għall-akkużi serji li bihom ġew mixlija dawn in-nies. Bir-raġun kollu l-Ministru Bartolo jgħid li ġġarfet dik id-dar li hu u oħrajn bħalu ilhom jibnu. X’ma jħossux imdejjaq u diżilluż is-Sur Bartolo!! Kif tista’ ma tkunx imdejjaq meta tara dawk is-sagrifiċċji kollha li tkun għamilt isiru suf.

Il-poezija ta’ Pietru Caxaru miktuba mijiet ta’ snin ilu, Bartolo silitha u rrifletta fuqha. Meta l-poeżija tgħid li ċedew il-pedamenti, bilfors li jaħseb fuq it-tkissir u l-ħażen li ħakem il-Partit Laburista, bil-fors li jiftakar li f’era ta’ numru ta’ snin id-dar krollat. It-twemmin li kien jaħkem dik id-dar theżżeż. Il-valuri u l-prinċipji li kienu jiddominaw fid-dar tal-Partit Laburista tkasbru. Inqalbu ta’ taħt fuq. Inħatfu minn grupp ta’ nies li dawruhom biex ġibduhom lejn xawwathom. Ġabuhom qishom chewing gum li ġew użati kif xtaqu huma biex jagħmlu akkwisti kbar personali u ġew altament jitmellħu mid-dar imġarrfa li kienu ser iħallu warajhom.

Bil-ħmieġ li ħiereġ bħalissa għandu raġun il-Minstru Bartolo jgħid li f’dawn l-aħħar snin il-moviment laburista ġie mibni fuq it-tafal. Ġie mibni fuq prinċipji merħija. Ġie mibni fuq twemmin diżonest li wassal biex nawwar partit politiku mill-ġewwieni tiegħu. Imma għandu mediċina li jista’ jafda fiha l-Ministru issa li qed iħossu ħieles u mimli tama?

La kiteb issa ma naħsibx li hu kuntent kif inhu l-Partit tiegħu llum. Qed ngħid hekk għax il-mexxej tiegħu ara kemm daħħal uċuh ġodda bil-ħafna cooptions li għamel. Forsi il-Ministru Bartolo irid jara aktar doża qawwija ta’ mediċina li twarrab jew tqaċċat aktar nies. Naħseb li la qed jgħid ‘nibnu mill-ġdid’ għadu mhux kuntent b’dak li qed jiġri bħalissa. Qed jammetti li l-kuxjenza għadha m’hiex qiegħda f’posta.

Tgħid ser jitlob li aktar irjus itiru? Tgħid ser jitlob li aktar, mhux bil-fors front liners tal-partit, jisparixxu? Tgħid ser jitlob eżami tal-kuxjenza lil dawk li għandu madwaru? Tgħid ser jagħmlu hu stess dan l-eżami? Tgħid anke hu qed iħossu parti mit-tafal u mhux aktar parti mill-ġebel sod?

One thought on “Il-Ministru Evarist Bartolo jgħid li waqgħetlu daru!

  1. It is all so true. When the old Labour guard was put aside and ignored, so the ex PN ones will join the PL, with other young ones,and with out any experience in such a political life, the party has lost it’s bases. Hope, that very soon this situation will change for the benefit of the party and country.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *