Qed inbaxxu l-maħfra presidenzjali?

Blogpost minn osservatur politiku.

Meta l-aħwa Degiorgio talbu, permezz tal-avukat tagħhom għall-maħfra presidenzjali, bdew jiġru fuq il-media soċjali numru ta’ ċajtiet ħelwin fuq dan is-suġġett.

Naħseb dawn iċ-ċajt juru ma xix f’moħħ il-poplu Malti qed tkun assoċjata l-maħfra presidenzjali. Nemmen li l-maħfra presidenzjali hemm bżonn li ntellgħuha f’livell ta’ serjeta’ għola. Dan ma jsirx billi din tibda tingħata mill-avukat ġenerali imma billi kull politiku, hu min hu, ma jibqax jparla fuq dawn il-maħfriet, qisna ser nibdew Inqassmu l-pastizzi. Dan qed iwassal biex nirredikolaw dan il-privileġġ li bħalissa jinsab f’idejn il-President fuq pariri tal-Kabinett. Din hija deċizzjoni sensittiva li jekk ma nibżgħux għas-serjeta tagħha ser nirrenduha f’livell ta’ ċajta.

Hawnhekk il-politiċi għandhom bżonn jifhmu li la l-awtoritajiet qed isibu problemi kbar biex isolvu numru ta’ każijiet, hemm bżonn li jsir studju serju u naraw x’irridu nagħmlu biex ngħinu iżjed lill-awtoritajiet konċernati. Hemm bżonn li nistudjaw iżjed il-possibilita’ li membri tal-awtoritajiet tagħna nibagħtuhom jieħdu esperjenza barra minn pajjiżna. Hemm bżonn li nistudjaw il-possibilita’ li pajjiżna jagħmel arranġamenti, jekk mhux diġa jeżistu, ma’ istituzzjonijiet barranin b’esperjenza kbira u fis-siegħa neċessarja dawn jiġu biex jagħtuna l-għajnuna kollha meħtieġa. Naf li ġew nies professjonali barranin jgħinuna f’ċirkustanzi koroh. Imma fl-opinjoni tiegħi u minn dak li qrajna, lil dawn stajna tajnihom aktar possibilita’ biex inħalluhom jaslu għal konklużżjonijiet u mhux waqqafnihom nofs triq. Fuq kollox u l-aktar importanti hemm bżonn ta’ aktar serjeta’ mill-awtoritajiet infushom.

Ma jistax ikun li l-politiċi jitkellmu, bħal ma għamlu fil-Ħdud li għaddew, fuq x’ser jikkonsidraw jagħmlu dwar maħfriet presidenzjali biex forsi jaslu għall-verita’. Dik hi turija u vot ta’ sfiduċja kbira fl-investigaturi tagħna. Jekk l-investigaturi mhux qed jagħmlu xogħol sew, il-politiċi għandhom ikunu diretti u jgħiduh. Jekk dan ġej minn nuqqas ta’ riżorsi jitkellmu dwarhom.

Id-diskors bħaċ-ċirasa u jekk toqogħdu twaddbu, mal-erba’ irjieħat tal-pajjiż, paroli u ssemmu l-ismijiet li tikkonsidraw tagħtu maħfriet biex tkunu tafu fuq dak il-qtil jew dik is-serqa, allura tħajru lill-oħrajn biex barra t-talbiet li hemm, isiru oħrajn. U hekk qed jiġri. Il-politiċi jridu jieqfu jparlaw b’mod laxk li biex jaslu għall-verita’ lesti li jikkonsidraw dan il-pass tal-maħfra u b’riżultat ta’ dan, nies maqfulin il-ħabs joffru nformazzjoni biex jinħelsu jew tonqsilhom it-tul taż-żamma tagħhom il-ħabs.

Leave a Reply