Glen Falzon jingħata raġun għall-mistoqsijiet li għamel lil Bernard Grech
Qed naqra fuq it-Times of Malta li l-Awtorita tax-Xandir ma laqgħetx it-talba tal-Partit Nazzjonalista li Dr Bernard Grech ġie mogħti trattament differenti mill-Prim Ministru waqt il-programm Insights fuq TVM, peress li fi programm iehor, l-istess ġurnalista intervista l-Prim Ministru.
Ma nistax nifhem kif partit politiku jipprotesta li ġurnalist jistaqsi mistoqsijiet diffiċli (loaded questions) lill-kap ta’ Partit. Bħala bniedem li nsegwi l-politika, għalija huma dawn l-intervisti fejn il-ġurnalista jistaqsi mistoqsijiet diffiċli li nieħu gost nara. Infakkar li xi mistoqsijiet li kien għamel Glen Falzon kont anki għamilthom jien fuq il-Facebook Page tiegħi.
Meta nisma’ mistoqsijiet faċli nħossni niddejjaq għax ma nkunx nista’ nara u niżen il-kapaċita’ tal-bniedem intervistat. Il-gost ta’ intervista hija meta l-ġurnalist jagħfas kemm jiflaħ lil min ikollu quddiemu.
Fil-fatt l-Awtorita’ qalet li “journalists had the right to ask uncomfortable questions”. Naqbel mal-Awtorita’. Skond l-artiklu tat-Times PN’s Francis Zammit Dimech and Karol Aquilina were called to testify in front of the BA board. Mela dawn marru biex iressqu r-raġunijiet tagħhom għaliex Dr Grech ġie trattat ħażin. Dawn qalu li l-intervista kellha “imbalance and lack of impartiality”. Nikkwota mit-Times u ma nemminx dak li naqra.
Dr Zammit Dimech meta kien qed jixhed quddiem il-bord tal-Awtorita’ qal li l-mistoqsijet magħmula lil Dr Grech “were different when compared to those which Falzon had asked Prime Minister Robert Abela in a previous Insights programme. He said that Falzon had given Abela a “free hand” and allowed him to discuss whatever he wished, while Grech was asked more loaded questions”.
Kellu għalfejn il-Partit Nazzjonalista jipprotesta fuq hekk? Kieku kont minn flok il-Partit Nazzjonalista kont nistħi mmur quddiem l-Awtorita’ biex ngħidlihom dawn il-ħmerijiet. Anzi, jien kont inkun kuntent li ġurnalista għamilli mistoqsijiet diffiċli ħalli aktar toħroġ il-kapaċita’ tiegħi li nirrispondihom. Hemm joħroġ il-kapaċita ta’ politiku u mhux meta ġurnalist joqgħod ifissed lil min ikollu quddiemu b’mistoqsijiet faċli.
Ara meta ma jkollokx fuq x’hiex tipprotesta kemm taqa’ fir-redikolu! Infakkar li dan il-protest sar minn avukati. Skond it-Times, l-avukat Karol Aquilina ġie rrappurtat li qal li “journalists with the national broadcaster had a duty not to be prejudiced when interviewing politicians. Falzon’s tone and attitude differed in the two interviews”.
Jiena rajthom l-intervisti imma ma rajtx lill-ġurnalist aggressiv jew indiskret. Kien qed jagħmel xogħolu ta’ ġurnalist u staqsa mistoqsijiet li deherlu li għandu jistaqsi. Jekk il-Partit Nazzjonalista jrid joħnoq il-mistoqsija jkun qed jagħmel ħsara kbira lill-partit stess u jkun qed jibgħat messaġġ lill-ġurnalisti li għandhom jittrattaw lil Dr Grech bl-ingwanti tal-ħarir. Apparti min hekk ikunu qed jgħidu li Dr Grech ma jiflaħx joqgħod għall-mistoqsijiet diffiċli.
Araw x’qalet l-Awtorita’ tax-Xandir, dejjem skond it-Times. Jien naqbel magħha mija fil-mija.
“journalists had the right to ask uncomfortable questions. So long as respect is held during the interview, the journalist must ask questions which are relevant to the current time, even more when that person being interviewed is a politician”.
Il-fsied ma hu tajjeb għal ħadd. Il-fsied żejjed jagħmel il-ħsara lil min jirċivih. Mela jekk Dr Zammit Dimech u Dr Aquilina jridu jżommu lil Dr Grech imfissed, ħsara u mhux ġid qed jagħmlulu. Jekk iridu jaraw lil Dr Grech jimmatura u jikber politikament iridu jippreżentawh quddiem ġurnalisti li ma jużawx ingwanti tal-ħarir imma jużaw l-għerf u l-makakkerija kollha tagħhom ħalli jfajru mistoqsijiet diffiċli u trabokkanti.
Minn hemm biss nistgħu naraw u nifhmu l-kapaċita politika ta’ kull min jippreżenta ruħu fl-arena politika.