It-turiżmu milqut mill-arresti li saru: Robert Arrigo

Nhar l-Erbgħa 24 ta’ Marzu, Robert Arrigo għamel diskors importanti fil-Parlament li ftit li xejn smajna dwaru fil-media. Arrigo beda d-diskors tiegħu billi esprima l-għafsa ta’ qalb għas-sitwazzjoni li tinsab fiha bħal issa l-industrija tal-ospitalita’ u tat-turizmu: din tinsab mejta. Arrigo qal ukoll li l-Ewropa qed tistenna li madwar 60% biss jistgħu jsiefru matul din is-sena. L-isperanza hija li dawn jħarsu lejn il-Mediterran bħala destinazzjoni tagħhom. Minn din is-sena ser jibqa’ biss sitt xhur, minn Mejju sa Novembru, fejn wieħed jittama li t-turisti jkunu jistgħu jiċċaqalqu u jiġu f’pajjiżna.

Bħala bniedem b’esperjenza kbira f’dan is-settur, Arrigo qasam mal-parlamentari sħabu dak li hu antiċipat, li għal din is-sena t-turiżmu ser ikun fuq livell individwali aktar milli fuq livell ta’ gruppi. Il-gruppi mistennija jibdew fl-2022. Saħaq li Malta trid tkun ‘fully safe’ biex nilqgħu t-turiżmu. Dan ifisser li l-pajjiż irid ikollu persentaġġ qawwi tal-poplu vaċċinat.

Robert Arrigo enfasizza l-importanza mhux biss li nkunu ‘high class’ imma li nkunu ta’ kwalita’ għolja f’kull kategorija, f’kull servizz li aħna noffru. Il-kelliem għadda messaġġ ċar lill-Gvern li Malta trid tkun preparata ħafna għax il-kompetizzjoni għat-turist qiegħda hemm b’qawwa kbira.

Wara li semma dak li pajjiżna jinħtieġ biex ikun jista’ jilqa’ it-turist, huwa staqsa mistoqsija mportanti ħafna u li tirreferi għas-sitwazzjoni li Malta għaddejja minnha bħalissa; imma dan ix-xogħol kollu li għamilna ser isirilna suf issa? Din il-mistoqsija saret għax dawn l-aħħar ġranet Malta ssemmiet madwar id-dinja kollha, u kienet fuq il-faċċati tal-gazzetti minħabba dak li ġara nhar is-Sibt. Arrigo qal li din ma kienetx xi propaganda, kif iħobb jixli l-Gvern tal-ġurnata, magħmula mill-oppożizzjoni jew l-MEPs tal-PN, imma din kienet riklam, sfortunatament ħażin ħafna, mingħajr ebda ħlas.

Meta l-barranin jaqraw li accountants, CFO u Diretturi tressqu l-qorti u raqdu l-ħabs, il-klienti fl-industrija jibdew iċemplu u jistaqsu, ‘are you a safe country?’ Mela l-klijenti ma jistaqsux biss dwar il-vaċċin imma jibdew jagħmlu mistoqsijiet aktar wiesa’. Mistoqsijiet li jsiru mill-istess klienti ikunu, ‘intom kollha tinxtraw u korrotti?’ ‘Nista’ nibgħat il-flus bla nkwiet?’ Arrigo fakkar li dawn il-barranin qed jisimgħu wkoll fuq politiċi, ex-politiċi, chief of staff li jissemmu f’dawn il-każijiet u b’hekk il-klienti jistaqsu ‘are you out of control?’ ‘Tliftu kollox?’ Robert Arrigo qal li bħala Malti jipprova jiddefendi lil pajjiżu, imma meta tiġi ffaċċjat b’affarijiet tant kbar u koroh, li qed nisimgħu bħalissa, tiġi f’sitwazzjoni li ma tkunx tista’ tiddefendi kollox.

Robert Arrigo kompla jispjega, bl-isperanza li l-gvern jisma’, li ħafna turisti qed ifittxu gżejjer fejn iqattgħu l-btajjel tagħhom. Huwa semma l-gżejjer Spanjoli, Portugiżi, Grieġi u Ċipru li qed jikkompetu ma’ Malta b’ċertu qawwa. Hawnhekk huwa ta l-parir dwar l-importanza tal-konnettivita’ ma’ pajjiżna. Mhux talli hekk, talli kkalkula wkoll u qasam din l-informazzjoni mal-Gvern, li għal din is-sena il-konnettivita’ ser tiswa s-somma ta €120 miljun. Huwa qal lil gvern, li jispera li dawn l-arranġamenti diġa’ saru jew almenu qed isiru. Pariri oħra li ta Arrigo kienu li t-tests tal-Covid iridu jsiru fuq kull min jasal Malta permezz ta’ swab centres bil-preparamenti ukoll ta’ green corridors.

Parir ieħor li ta Arrigo kien li kull min jaħdem f’dan is-settur irid jirċievi l-vaċċin. Huwa qal li bħala pajjiż irridu nagħtu serħan il-moħħ lit-turist li jitħajjar jersaq lejn pajjiżna u allura rridu nagħmlu l-green card tagħna.

Kompla jagħti pariri siewja billi nkunu proattivi, norganizzaw events kbar u żgħir. Issuġġerixxa wkoll li lil Malta wasal iż-żmien li nagħtuha ‘a total upgrade’. Semma wkoll li hemm bżonn ta’ dixxiplina u kundanni serji għal min jorganizza attivitajiet illeċti.

Meta Robert Arrigo tkellem fuq marketing qal li ma jistax ikun li pajjiżna jagħmel riklamar bħal dak mal-Manchester United. Niftaħru li dan it-team għandu miljuni ta’ supporters l-India u ma nkunux kapaċi nġibu s-supporters Ingliżi lejn Malta. Dan kien falliment totali li sewa miljuni kbar ta’ euro. Ikun inutli wkoll li jsiru leaflets, li jiswew il-miljun ta’ euro, fuq is-siġġijiet tal-ajruplani u ma jġibux turist wieħed. Il-marketing irid ikun magħġun ma’ dawk il-postijiet minn fejn verament ser jiġu t-turisti.

Arrigo qal li ser tkun diffiċli biex Malta terġa’ tibda tattira t-turist, u b’dawn l-affarijiet xejn sbieħ li smajna din il-ġimgħa, qed ipoġġi l-attrazzjoni lejn pajjiżna f’diffikulta ħafna iżjed akuta. Arrigo esprima d-diżappunt tiegħu li pajjiżna wasal f’din is-sitwazzjoni li kull ma tmur qed tagħti indikazzjoni li l-gvern tilef il-kontroll.

Biss fl-aħħar messaġġ tiegħu, Arrigo esprima ħsieb pożittiv li jekk il-gvern u l-oppożizzjoni jingħaqdu fl-isforzi tagħhom u jħarsu flimkien lejn id-diversi possibilitajiet, jista’ jkun li pajjiżna jerġa’ jaqbad it-triq tas-suċċess u hekk inħarsu lill-investituri diversi kollha, nibżgħu għall-eluf ta’ impjiegi kemm diretti u indiretti, u nerġgħu nibdew indawru r-rota f’dan is-settur tant ekonomikament importanti għal pajjiżna.

Bħala għeluq, Robert Arrigo talab lill-gvern biex jieqaf minn din il-ħsara għal pajjiżna. Malta ma tiflaħx iżjed propaganda negattiva, Malta jixirqilha ħafna aħjar.

Leave a Reply