David Casa ma jsemmix lill-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew
Għadni kif smajt id-diskors tal-MEP David Casa li għamel fil-Parlament Ewropew dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Jiena nħeġġiġkom tisimgħu d-diskors qasir tiegħu. M’inhiex ser nikkritika li għamel diskors qasir għax naf li dik hija l-prassi tal-Parlament Ewropew. Jien ser nikkritika l-kontenut. Naqbel miegħu li jirringrazzja lil Daphne ħames darbiet għax għandu għalfejn.
Imma ma naqbel miegħu xejn li juża kliem li tista’ tinterpretah bħala theddida lil kull min qiegħed arrestat u naħseb anke nies oħra. Nassigurah li għad irridu nisimgħu aktar dwar ħafna nies involuti. B’hekk ma nistax nimmaġina kif tista’ tasal għal kundanna ċara bħalma qed jagħmel David Casa. Fuq kollox, l-anqas għadna nafu l-fatti kollha.
Aqraw ftit parti mid-diskors tiegħu u taraw kif dan l-MEP diġa wasal għal ċerti konklużżjonijiet tiegħu.
“Allura intom li kkonfoffajtu biex teliminawha. Intom li ħallastu l-flus biex teqirduha. Ibżgħu. Twerwru. Għandkom għaliex. Għax se tħallsu għal għemilkom. Dawn huma n-nies li qed imexxu lil pajjiżna. Ħaġa waħda mal-kriminalita.”
Naħseb li tgħid li pajjiżna huwa mmexxi minn kriminali hija żejda u tagħmel ħsara lill-Partit Nazzjonalista. In-nies ma japprezzawx attakki fuq Malta, barra minn xtutna. L-anqas hu apprezzat diskors fejn wieħed jitlob lil tal-EU jaqbżu għalina. Dan hu diskors li konna nisimgħu fi żmien li Malta kienet kolonja.
Ser niġbed silta oħra mid-diskors ta’ Casa.
“Hemm nies qalbiena u ta’ kuraġġ li mhux jibżgħu. Nies fil-pulizija, fil-qrati, ġurnalisti u fis-soċjeta ċivili. U fl-aħħar mill-aħħar, mhux l-inqas anke dan il-parlament. Il-Parlament Ewropew hu t-tarka tal-poplu Malti u Għawdxi”.
Sur David Casa, fejn qiegħed il-Partit Nazzjonalista f’dan id-diskors kollu? Qed ngħid dan għaliex imkien ma semmejtu l-Partit Nazzjonalista. Biss ma insejtx tirringrazzja lis-Soċjeta Ċivili. Mela sewwa qed nikteb li llum l-Partit Nazzjonalista hu mmexxi u sar is-soċjeta’ ċivili.
Infakkrek li l-Partit Nazzjonalista hu l-Partit tiegħek. Mingħajru ma kontx titla’ Brussel.