Wara l-programm tiegħi tal-bieraħ fuq Xejk: persuna mill-Partit Laburista kitbitli dwar Sant u Mintoff

Ħadt pjaċir il-bieraħ nisma’ l-programm tiegħek Simon Mercieca Jiddiskuti. Fil-programm kellek in-neputi ta’ Dom Mintoff, Ivan Grech Mintoff.  Grech Mintoff qal li meta nqalgħet il-ġlieda bejn Alfred Sant u z-ziju tiegħu, il-familja kollha kienet wara Dom Mintoff. Hu qal li n-nanna tiegħu (jiġifieri omm Mintoff) kienet tgħid lill-uliedha, li l-aħwa jiġġieldu kemm iridu, iżda jekk ikunu attakkati minn xi ħadd minn barra, għandhom jingħaqdu qaqoċċa wara l-membru tal-familja. Fi kliem ieħor id-demm ma jsirx semm. Din l-istorja issemmiet fil-programm fil-kuntest tal-ġlieda bejn Dom Mintoff u Alfred Sant u dwar il-fatt ta’ meta Alfred Sant mar Bormla u għajjar lil Dom Mintoff traditur.

Naqbel miegħek li Dr Sant għamel żball meta wża l-kelma traditur. Iżda Dom Mintoff qatt ma aċċetta lil Dr. Alfred Sant bħala mexxej mill-ewwel ġurnata tiegħu jiġifieri minn meta Sant kien għadu fl-oppożizzjoni. Mintoff kien qalli biex noqgħod attent minn Sant u ta’ madwaru għax kienu nies li jaslu … Ma’ Mintoff kien hemm Attard Montaldo. Il-punt tiegħi hu dan – il-qasma bejn Sant u Mintoff ma saretx meta Sant għamel il-meeting fejn qallu traditur. Fil-verita’, Mintoff poġġa pressjoni kbira fuq Sant mill-bidu u baqa’ sa l-aħħar, sa meta wasal biex waqqa’ lill-Gvern ta’ Alfred Sant.

Dak li nista’ nikkontribwixxi jiena huwa dwar ħwejjeg li naf direttament. Il-kriżi kienet hemm mill-bidunett, u t-tenzjoni kienet anki teżisti fi żmien meta Karmenu Mifsud Bonnici kien Prim Ministru. F’dak iż-żmien ukoll, Mintoff ried ikollu l-akbar influenza u anki hemm uża l-vot tiegħu.

Guido Demarco kien jaf sew b‘din is-sitwazzjoni. Id-dwejjaq ta’ Mintoff kien ġej mill-fatt li fi żmien Alfred Sant ma kienx aktar fiċ-ċentru. Alfred Sant kellu idea differenti ta’ żvilupp. Fuq kollox, Alfred Sant u Dom Mintoff kellhom it-tnejn natural mill-aktar diffiċli u differenti. Alfred Sant ħass li kellu jagħmel għażla. Kellu jagħżel li jew jagħmel ħames snin taħt il-manuvri ta’ Dom Mintoff jew imur għall-elezzjoni bikrija.

Jien naf il-karattru ta’ Alfred Sant tajjeb. Sant ma kienx lest jaħdem hekk. Sant għamel sinjal fir-ramel. Ma nafx jekk kienx jaħseb li seta jirbaħ. Jekk ħaseb dan ma nafx. Dak li żgur ried hu li jeħles minn Mintoff u forsi ħaseb li kien ser iġib il-voti ta’ dawk li rawh jikkombatti ma’ Mintoff.

Iżda dan kien mument fundamentali għall-Partit Laburista. Sant tilef. Il-PN mar lura fil-Gvern u Malta daħlet fl-EU. Biss xorta ngħid li Sant wasal fejn ried għax imbagħad seta jippjana bil-galbu. Għal dan, Sant kien tajjeb żgur, imma ma naħsibx li kien tajjeb biex ikun mexxej ta’ partit politiku. Biss Joseph Muscat ‘wettaq’ dak li bil-galbu ppjana Sant.

Infakkrek li meta lil Sant staqsewh dwar Robert Abela, huwa qal li ma jitkellimx dwar PM għax issa li hu hu u li kien kien. L-imgħoddi għadda. Issa qed iħalli lill-PM bla pressjoni. Dan hu prinċipju validu. Spiċċa mar fejn ma jidhirx biex jagħti ċans lill-ġdid jaħdem il-bogħod mid-dell ta’ l-ikona. Dan hu dak li għamel Alfred Sant wara li spiċċa minn kap tal-Partit Laburista.  

Paċi u Sliem

Leave a Reply