Hu strateġikament għaqli li l-Partit Nazzjonalista jiffoka biss fuq il-korruzzjoni?

Fil-parlament għaddejja diskussjoni fuq l-Abbozz ta’ Liġi li jimplimenta miżuri tal-estimi (It-tieni qari). Dan id-dibattitu fetaħ it-Tnejn 22 ta’ Marzu 2021 fid-9 ta’ filgħodu u mid-dehra fit-tlett ijiem ta’ din il-ġimgħa il-parlament ser jiltaqa’ kemm filgħodu kif ukoll filgħaxija. Id-diskussjoni ħadet żewġ binarji totalment differenti.

Għandek il-Partit Laburista, li l-kelliema tiegħu kollha qed iżommu mas-suġġett għad-diskussjoni, filwaqt li l-membri tal-Partit Nazzjonalista kollha, almenu s’issa, qed jitkellmu fuq il-korruzzjoni u l-avvenimenti li ġraw nħar is-Sibt fil-qorti. Jidher li meta ltaqa’ l-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, nhar il-Ħadd filgħaxija, Dr Grech impona idejh biex il-grupp tiegħu meta jitfaċċa l-għada (it-Tnejn 22 ta’ Marzu) fil-parlament jitkellmu biss fuq il-korruzzjoni. Sa ċertu punt nifhem li bħalissa wara li ttellgħu l-qorti ħdax ir-ruħ, fosthom nies viċini tal-gvern Laburista taħt Joseph Muscat, id-diskussjoni dwar il-korruzzjoni għandha tieħu prijorita’.

Imma nistaqsi, dan it-tip ta’ atteġġjament fejn ser iwassal? Dawn id-diskorsi kollha li għaddejjin fil-parlament x’ser isarrfu? Jiena naħseb li ma huma ser ibiddlu xejn. Min kellu jitressaq il-qorti tressaq u ma tista’ tagħmel xejn ħlief tħalli lill-qrati jagħmlu xogħolhom u tistenna li ssir ġustizzja.

Il-Partit Nazzjonalista jrid jirrifletti fuq l-elezzjoni tal-2017 u jiftakar li l-akbar tkaxkira li qatt soffra l-Partit Nazzjonalista kien dak in-nhar li bħala aġenda prinċipali fil-kampanja elettorali tkellem biss fuq il-korruzzjoni. Imma issa wkoll ser naqaw għal dik it-tip ta’ politika. Jiena għandi r-riservi tiegħi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *