Jason Azzopardi jammetti li hu kien parti minn kabinett korrott li kien allegatament qed jgħatti l-ħmieġ ta’ Chris Cardona
Iktar ma jgħaddi ż-żmien u iktar ma jiftaħ ħalqu Jason Azzopardi aktar qed toħroġ id-deluzzjoni li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista. Dan l-avukat qed ikompli jikkonvinċini kemm hu bniedem li jaħseb għar-rasu biss, jagħmel dak li jaqbel lilu u jaħseb li għax jgħid ċertu affarijiet, ikun qed jintgħoġob. Għal kuntrarju, mhux biss qed idejjaq in-nies, iżda qed juri kemm hu qiesu tifel żgħir li jrid jidher hu u ħafna drabi jiġi jitmellaħ minn sħabu.
Il-bieraħ, it-Tlieta 23 ta’ Marzu, fil-parlament dan l-avukat qalilna li fl-2010 Chris Cardona kien arrestat b’rabta mas-serqa tal-HSBC. Jekk tisimgħuh jitkellem tindunaw x’daqsxejn ta’ teatrin għamlilna. Biex mingħalih jenfasizza din l-istqarrija u biex mingħalih jurina li ser jistqarr xi ħaġa li hu biss f’Malta kien jaf biha u li issa ser jaqsamha mal-Maltin u l-Għawdxin kollha, beda jitkellem bl-iskossi u jippronunzja kelma kelma, bil-pawża bejn kull kelma. Żmien it-teatrini għadda Jason. Dawk it-teatrini ħallihom għal qorti għal quddiem xi maġistrat jew imħallef li jiggustak. Dak id-diskors missek għamiltu fl-2010. Infakkrek li fl-2010, inti kont parti mill-Kabinett fil-Gvern.
Qed ngħid dan għaliex kitbuli fil-privat Nazzjonalisti li appoġġaw lill-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi. Dawn qaluli ċar u tond li qed iħossuhom diżappuntati, diżillużi u ttraduti kif il-Kabinett kollu Nazzjonalista għatta u ħeba aħbar ta’ din l-importanza. Min jaf kemm Nazzjonalisti qalbu l-vot fl-2013. Kieku kienu jafu b’din l-istorja forsi kienu jagħmlu mod ieħor.
B’hekk jekk din l-istorja hija minnha, ma jaħsibx Jason Azzopardi u sħabu li meta għattew dan l-avveniment għamlu balbuljata sħiħa? Kemm kienu jkunu dawk li jikkonsidraw li jersqu lejn Partit Laburista li kieku saru jafu li dan kien qed iżomm fi ħdanu lil xi ħadd li potenzjalment seta’ kien involut fi storja kerha bħal dik? Bħala ċittadini hemm bżonn inkunu nafu kif u għaliex il-kabinett ta’ dak iż-żmien ħeba din l-istorja. Dejjem jekk dak li qal Jason Azzopardi taħt il-privileġġ parlamentari huwa minnu.
Biss jekk dak li qed jgħid Azzopardi huwa minnu, mela dan hu gravi. Hu qed jinsinwa li Chris Cardona kellu protezzjoni mill-kabinett Nazzjonalista. Mela mhux ta’ b’xejn li ġie rilaxxat u ma tressaqx u bil-wiċċ tost kollu din l-istorja nħbiet mill-media għaliex il-gvern tal-ġurnata kien qed jipproteġih u ħadd mill-pulizija ma ried jinvestiga sew din l-istorja.
Din il-mossa ta’ Azzopardi tkompli tikkonfermalna dak li ili ngħid. Jason Azzopardi hu opportunist tal-għola grad. Azzopardi għandu ħabta jagħmel dawn il-bużullotti. Meta jaqbillu jew ifettillu jiġi jaqa’ u jqum mill-kolleġġjalita’ u jarma jparla u jitkellem bl-addoċċ taħt il-privileġġ parlamentari.
Bla ma trid meta tisma’ affarijiet bħal dawn ħerġin minn ħalq Azzopardi, ħafna drabi taħt il-privileġġ tal-Parlament, tibda’ tistaqsi lilek innifsek, liema karattru imaġinattiv ikun qed jilbes meta jkun qed jindirizza lill-kamra tal-parlament?