Ir-raġel tal-ex-Ministru Giovanna Debono meħlus.

Il-persuna li sa ftit ilu kienet mitqiesha bħala r-reġina tal-Partit Nazzjonalista llum tista’ tkanta Alleluja. Illum Giovanna Debono tista’ tgħid, lil dawk il-politiċi taż-żewġ naħat tal-kamra li ppruvaw ikissruha, li hi qatt ma kellha minn xix tistħi. Qatt ma kellha għalfejn tiġi trattata daqshekk ħażin kemm mill-avversarju kif ukoll mill-kollegi. Fil-politka l-għira tista’ teqirdek. Fil-politika l-qlajjiet jistgħu jkunu valenużi aktar mill-verita’. Fil-politika mhux kulħadd kapaċi jżomm mal-prinċipji u l-valuri bħal ma dejjem għamlet Giovanna Debono. Giovanna Debono kompliet fuq is-sewwa magħruf li kien iwettaq missierha, l-għażiż Koronato Attard. Hija wirtet it-tajjeb kollu tal-familja Attard u wettqitu tul il-ħajja politika tagħha.

Minn kif inħema l-każ kien hemm xamma ta’ viljakkerija. Mill-ewwel deher li żewġha kien qed jintuża biex titkisser hi. Biex tinqered il-ħajja politika tagħha. Biex tisparixxi mil-Partit Nazzjonalista għaliex Simon Busuttil ried jibdel lill-Partit Nazzjonalista f’wieħed liberali u progressiv għaliex hekk qalulu tal-Ewropa.

Fi kliem ieħor ma kienx hemm aktar post fil-Partit Nazzjonalista li tant ħadmet għalih. Biex ma tkunx tista’ tkompli dak li kien tant għal qalba, li tkun ta’ servizz lin-nies speċjalment lill-Għawdxin. Din il-viljakkerija qatt ma missha wasslet sa hawn għax din qatt ma missha tressqet fuq akkużi l-qorti.

Imma kif qal tant tajjeb Dr Giglio, “m’għandiex dubju li kien hemm id politika moħbija li wasslet għal dan kollu”. Id-dispjaċir hu li ser ikun diffiċċli li nkunu nafu ta’ min kienet dik l-id moħbija u jkun żball jekk xi ħadd jaħseb li din l-id moħbija kienet fuq xi naħa waħda tal-ispettrum politiku.

Dik hija l-isfortuna fil-ħajja, li Tony u Giovanna batew imma wara 6 snin ħarġu liberati, imma min tefa’ t-tajn ser jilbqa’ mistur u ma jieħux dak li ħaqqu u iktar. Qed insemmiha ma’ żewġha għaliex miegħu batiet.

Niftakar qisu l-bieraħ meta Giovanna Debono ddeċidiet jew ġiet mgiegħla tiddeċiedi biex tiċħad il-whip tal-Partit Nazzjonalista u tmur indipendenti. Niftakar sewwa lil Giovanna Debono fil-Parlament dejjem kienet fuq in-naħa tal-Oppożizzjoni. Sfortunatament imwarrba minn sħaba. Imbagħad David Agius l-anqas jistħi jibgħat messaġġi biex jipprova jieħu xi glorja. Fejn kont int meta seħħ dan kollu? L-istess ngħid lil sħaba li dak inhar warrbuha qiesha għandha l-pesta.

Niftakar qiesu l-bieraħ kemm kienet qed issoffri f’dak il-perjodu tant ikrah għaliha, għal żewġha u għal uliedha. Giovanna Debono ħarġet mill-politika b’rasha mgħollija imma minħabba dik l-id moħbija u vvalenata kellha tinżel minn fuq it-tron politiku li l-Għawdxin dejjem żammewha fuqu u spiċċat ma tikkontestax l-elezzjoni tal-2017.

B’riżultat ta’ dik id-deċizzjoni nafu xi ġralu l-Partit Nazzjonalista ġewwa Għawdex. Għall-ewwel darba tilef il-maġġoranza Għawdxija. L-aħħar ħaġa li nixtieq nistaqsi meta issa wasal fi tmiemu b’wiċċ il-ġid dan id-dramm traġiku hija din: jista’ jikkonfermalna Dr Simon Busuttil jekk hux veru li barra li Giovanna Debono marret indipendenti, hu talab lil Giovanna Debono biex tirriżenja s-siġġu tagħha fil-Parlament?

Ippermettuli nifraħ u nagħti l-awguri tiegħi lil Anthony u lil Giovanna. Darba f’ħajti kellimt lil Giovanna Debono u lir-raġel tagħha ma nafux. Biss nawguralhom ħajja twila, ta’ mistrieħ minn dan il-għawġ u ta’ trankwillita’ mal-familja tagħhom kollha li tant jgħożżu u jħobbu.

Leave a Reply