Għaliex il-Prim Ministru ma jitlobx affidavit mill-ministru tiegħi?

Nhar il-Ħadd li għadda l-Prim Ministru stieden erba’ ġurnalisti biex jagħmlulu mistoqsijiet dwar suġġetti kurrenti. Kellu taħlita tajba ta’ mistoqsijiet imma l-aktar waħda li laqtitni kienet dik ta’ Tim Diacono mil-Lovin Malta. Dan il-ġurnalist tkellem fuq dak li xehed Vince Muscat il-Koħħu meta semma li hemm Ministru fil-Gabinett li kien b’xi mod imdaħħal, dirett jew indirett, fis-serqa li ma rnexxietx fuq l-HSBC ġewwa Ħal Qormi fejn ġew sparati diversi tiri. Fost affarijiet oħra staqsieh jekk hux ser jordna lill-Ministri u s-Segretarju Parlamentari jagħmlu affidavit, jiġifieri jieħdu ġurament solenni ħalli jiddikjaraw li ebda wieħed jew waħda minnhom ma kellhom x’jaqsmu ma dak l-attentat fuq il-bank HSBC.

Il-Prim Ministru ħa l-ħin tiegħu jirrispondi l-mistoqsijiet. Saħansitra qal li Dr Jason Azzopardi jekk jaf l-isem għandu dmir isemmih u jressaq il-provi kollha li għandu lill-awtoritajiet konċernati. Dwar Vince Muscat, il-Koħħu, li għamel din id-dikjarazzjoni bla ma semma l-isem tal-Ministru jekk tassew jeżisti, il-Prim Ministru qal li l-Koħħu li ddikjara li qed jibża’ jitkellem quddiem il-maġistrat għandu jmur għand il-kummissarju tal-pulizija u jistqarr l-isem quddiemu.

Il-Prim Minstru kompla jgħid li din hija parti minn strateġija biex juru li l-istituzzjonijiet m’humiex jagħmlu xogħolhom u biex ipinġu lill-gvern tiegħu bħala wieħed dgħajjef. Imma fuq l-affidavit il-Prim Ministru għalkemm kien mistoqsi iżjed minn darba baqa’ jdur bil-kliem u ma wasal qatt li jirrispondi l-mistoqsija. L-aktar tweġiba mportanti baqa’ ma lissinix. Għalfejn beża jistqarr li lest li jistaqsi lil membri tal-gabinett kollha kemm huma jaħilfu l-inoċenza tagħhom? Għaliex ma jridx jagħmilha?

Din it-talba saret aktar importanti għaliex il-bieraħ kellna aktar talbiet għall-maħfra presidenzjali u reġa’ ssemma li hemm ministru tal-gabinett involut f’reat.

B’hekk din it-talba biex il-ministri kollha jaħilfu li ħadd minnhom ma huwa nvolut saret aktar importanti. Jekk ma ssirx aktar ser tikber il-konvinzjoni li verament hemm ministru involut.

Biss kif qed jiżviluppaw l-affarijiet, jekk verament hemm xi ministru involut, illum jew għada, ismu ser joħroġ żgur għax kif għid it-Taljan ‘tardare si, scappare no’.

Leave a Reply