Adrian Delia tkellem dwar il-każ ta’ ħasil ta’ flus fil-Parlament

Id-diskors tal-bieraħ ta’ Dr. Adrian Delia fil-Parlament kien dwar dak li għaddej fil-qorti bħalissa. Dr Delia fetaħ id-diskors tiegħu billi ta’ spjegazzjoni dettaljata dwar min huma l-personaġġi mtellgħin il-qorti nhar is-Sibt u li 10 minn 11 spiċċaw il-ħabs. Dr Delia stqarr li dawn kollha msemmija ser jinsiġhom flimkien biex jispjega fid-dettal kif allegatament seħħet l-għanqbuta. Huwa qasam lill-ħdax l-imputat f’erbgħa partijiet.

Fl-ewwel parti hemm Matthew Pace u Lorraine Farrugia li kienu ġejjien minn kumpanija fis-settur ta’ investiment finanżjarju. Pace kien innominat mill-gvern biex ikun fuq il-Board tal-Awtorita’ tal-Ippjanar.

Hemm imbagħad it-tieni grupp marbut ma’ Nexia BT u l-prinċipali fosthom huwa Brian Tonna. Minn informazzjoni pubblika nafu li Tonna kien involut f’numru ta’ kuntratti ewlenin. Miegħu hemm Karl Cini, il-persuna f’komunikazzjoni diretta ma’ Mossack Fonseca u l-famuża Skype call fejn ta l-isem ta’ xi ħadd kbir li ma setgħax jiktbu u li kien is-sid tal-kumpanija E-Grant. Allura hija ovvja li Cini jaf ta’ min hi E-Grant.

Ma dawn hemm ukoll Manuel Castagna, innominat mill-Gvern ta’ Muscat bħala wieħed minn tlieta fuq il-bord tal-evalwazzjoni biex l-isptarijiet jingħataw lil Vitals. Fil-fatt, Castagna kien wieħed mix-xhieda fil-kawża li qed jagħmel Dr Delia tal-Vitals.

Fit-tielet grupp hemm is-CEO u l-Kontrollur Finanzjarju tal-Kasco flimkien ma’ Keith Schembri, il-bniedem ta’ poteri kbar u assoluti ġewwa Kastilja. Hu kien jaħdem f’uffiċċju bieb ma’ bieb ma’ Brian Tonna u Robert Abela. Dr. Delia qal li kulħadd kien jaħseb li Keith Schembri kien jgawdi impunità assoluta. Biss Dr Delia rrimarka li b’dak li seħħ fl-aħħar ġranet jitfa’ dawl ta’ tama li l-ġustizzja tista’ tasal għand min jaħseb li kien ‘l fuq mill-ġustizzja. Dr Delia spjega li dawn huma akkużati b’ħasil ta’ flus.

Fir-raba’ taqsima hemm l-akkużat l-ieħor Vince Buhagiar li kien l-Managing Director ta’ Allied Newspapers Ltd li hu akkużat bi frodi u ħasil ta’ flus flimkien ma’ dikjarazzjonijiet foloz. Dr Delia spjega li dawn l-arresti saru b’riżultat ta’ żewġ inkjesti, tal-allegat ta’ ħasil ta’ flus ma’ managing director tat-Times u tal-bejgħ tal-passaporti, li bħala skema tat lok għal għotja ta’ flus lil min ma kellux dritt għalihom.

Huwa ddikjara b’mod l-aktar skjett li hu, bħala bniedem u avukat, minn qabel ma daħal fil-politika kien kontra dan it-tip ta’ bejgħ għax minn dejjem sostna li riżultat ta’ tali bejgħ kienu ser ikunu attirati nies dubbjużi u nies ta’ reputazzjoni ħażina, kif fil-fatt ġara. Adrian Delia qal li hemm l-akkużi li dawn ftehmu biex jingħataw flus li ma kellhomx dritt għalihom minn din l-iskema.

Hawnhekk Dr Delia spjega d-dettalji tal-korruzzjoni mdawrin ma’ dawn iż-żewġ skandli kbar. Dr Delia kompla li l-Partit Nazzjonalista ilu snin jagħfas kemm jiflaħ biex isiru l-investigazzjonijiet. Fuq kollox hu ħadem biex sab qbil fuq l-għażla tal-Prim Imħallef Mark Chetcuti u kkritika il-mod ta’ kif l-ex-Avukat Ġenerali Peter Grech kompla bl-isforzi tiegħu biex jċaħħad lill-Partit Nazzjonalista mir-rapport tal-Maġistrat fuq E-grant. Dr. Adrian Delia kompla billi staqsa, “meta naraw dan kollu fejn wasalna llum u min qed iweġġa’ b’dan kollu?” Dan kollu għamel ħsara irreparabbli lir-reputazzjoni ta’ Malta propju meta l-pajjiż qed jistenna r-rapport tal-Moneyval li jista’ jkissrilna u jeqirdilna ħafna mpjiegi.

Quddiem dan kollu l-Prim Ministru m’hu jagħmel xejn, lanqas biss jipprova jagħmel għallinqas dak li jista’ jagħmel hu, almenu xi ħaġa wara li toħroġ allegazzjoni serjissima li fil-kabinet tal-ministri, illum u mhux snin ilu, hemm ministru involut f’reat kriminali kbir ħafna (a big job). Dr Delia qal li jekk il-Prim Ministru mhux lest li jdur fuq il-Ministri u jistaqsihom dwar xi involviment tagħhom, Dr Delia lest li hu nnifsu jistaqsi lill-ministri tal-gvern jekk humiex involuti fl-kriminalità.

Dr Delia għalaq id-diskors tiegħu jistieden liċ-ċittadini ‘biex flimkien jiktbu paġna ġdida ta’ pajjiż li ma għandux għalfejn ikun korrott, ma għandux għalfejn ikun maħmuġ, illi kapaċi jattira investiment sagħan, nadif u jikkreja setturi ħalli it-tfal tagħna, l-ħaddiema tagħna, il-professjonisti jgħixu f’Malta ġdida u nadifa”.

One thought on “Adrian Delia tkellem dwar il-każ ta’ ħasil ta’ flus fil-Parlament

  1. Dr.delia forsi ghalhekk warbuk shabek, konsegwenza tal gherf li hiereg minnek. Dr, delia llum qed taraha l-korruzzjoni? Forsi sat- 2013 kont aljenat ghadek qed tiprova tingabar mal klabb ta B/kara. Llum qed titkellem fuq il korruzzjoni, meta int stess mixli biha. Ftakar din Dr,delia, MIN NEFHEK FAQAK

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *