X’seta’ staqsa Jason Azzopardi lill-Koħħu dwar Keith Schembri?

Jason Azzopardi u s-sieħeb prinċipali tiegħu Manuel Delia, qed jipprovaw jgħattu x-xemx bl-għarbiel. Wara li tressaq fil-qorti Keith Schembri flimkien ma’ dawk li allegatament xaħħam, Jason Azzopardi u Manuel Delia ħarġu jiġru jiktbu post wara l-ieħor, blog fuq ieħor, dwar Keith Schembri. It-tnejn li huma irreaġixxew għal dak li qed nikteb f’dan is-sit li lil Keith Schembri ma kienux qed jsemmuh. 

Kemm-il darba staqsejt x’hemm wara l-fatt li dawn tar-Repubblika, u sħabhom, lil Keith Schembri ma jsemmuhx? Issa bħal donnu inqabdu fuq sieq waħda u allura fetħulha waħda sew biex jipprovaw jiskreditaw. Iżda din mhux l-ewwel darba li dawn in-‘Nazzjonalisti tal-ewwel tier’ jaħsbu li tant il-poplu hu mbeċilli u stupidi li jistgħu jitmejlu bina meta u kif iridu.

Għal xiex qed ngħid dan? Għax jien qed nikkritika lil Jason Azzopardi talli meta għamel il-kontro-eżami lil Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, lanqas darba li hi darba ma staqsa mistoqsija dwar l-allegazzjonijiet li għamel il-Koħħu stess, Melvin Theuma u Yorgen Fenech, rigwardanti l-allegat involviment ta’ Keith Schembri fil-qtil brutali tas-sinjura Daphne Caruana Galizija. Jien ġejt mistoqsi kemm-il darba x’seta’ staqsa Jason Azzopardi peress li Vince Muscat il-Koħħu qal li lil Keith Schembri ma jafux.

It-tweġiba tiegħi għal din il-mistoqsija hija din li ġej. Hemm ħafna x’seta’ jistaqsi Jason Azzopardi. Anzi Jason Azzopardi kien f’pożizzjoni unika li ħadd iżjed ma kien fiha, li jistaqsi lil Koħħu għal iżjed dettalji dwar dak li George Degiorgio qallu fuq Keith Schembri. Seta staqsa dwar dak li allegatament qal l-avukat David Gatt fuq Keith Schembri. Fi kliem ieħor kien iross lil Vince Muscat ħalli joħroġ aktar informazzjoni, jekk hemm, dwar dak li allegatament David Gatt kien jgħid lil Vince Muscat. Seta’ staqsa dak kollu li ried, iżda minflok, bl-iżjed mod stramb, dwar Keith Schembri, Jason Azzopardi ma staqsa xejn.   

Lanqas Manuel Delia, dak li jaħseb li għandu xi don divin li jgħarbel u jikxef bl-iżjed mod ‘Express’, ma kiteb xejn jistgħaġeb kif Azzopardi tilef opportunita tad-deheb li jistaqsi dwar l-involviment ta’ Schembri fil-qtil ta’ Daphne. Issa, fi tmiem il-ġimgħa, Jason u Manuel rikbu fuq il-karru tal-pulizija u bħal donnhom stenbħu u bdew jitkellmu fuq Keith Schembri.

Iżda l-verita tibqa’ li waqt li m’għandhomx problema jsemmu lil Keith Schembri fil-każijiet ta’ allegat tixħim lil sħabhom tal-Allied News, dwar l-allegat involviment tiegħu fil-qtil baqgħu ma jgħidu xejn. Tgħid għalxiex hux? Għalhekk Jason Azzopardi ma jistax jibqa’ jitmejjel bil-poplu li dalwaqt se joħroġ biex jivvota.

Ma jistax jibqa’ jaħseb li jista’ jgħatti x-xemx bl-għarbiel. Irid jiddeċiedi liema kappel se jilbes u ma jibqax jieħu vantaġġ partiġġjan mill-pożizzjoni li għandu ta’ avukat tal-familja ta’ Daphne.

Leave a Reply