Rewwixta fit-Times?

Jidher li l-ġurnalisti u edituri tat-Times of Malta qabżitilhom u rvellaw kontra l-impożizzjoni tal-bord tad-diretturi li żammhom siekta għal dawn is-snin kollha. F’editorjal imqanqal, il-ġurnalisti tat-Times qablu ma dak li ktibt f’dan il-blog diversi drabi, u talbu biex ir-rapport intern dwar Adrian Hillman jiġi ppubblikat. Naqbel magħhom allavolja jattakkwani.

Talbu ukoll li ssir inkjesta indipendenti fuq il-finanzi tat-Times ta’ dawn l-aħħar snin. Jista’ jkun li forsi l-ġurnalisti tat-Times jafu xi ħaġa li għadha ma ħarġitx? Forsi minbarra t-tixħim fix-xiri tal-magna se toħroġ xi ħaġa wkoll dwar il-bini massiv li xtraw fl-Imrieħel u li tant hu kbir għal xejn li qed ifittxu biex jikru s-sular ta’ fuq kollu? Min kien is-sensar ta’ dak il-bini? Min fejn inġiebu l-flus biex inxtara? Kemm għandha dejn fuq il-bini t-Times? Vera li l-attakki kontra l-Gvern ta’ Lawrence Gonzi bdew għaliex fuq livell personali ma kienx aċċetta li jakkomodahom?

Fl-editorjal tagħhom, l-edituri ammettew li baqgħu siekta u ddefendew bis-skiet tagħhom lil Adrian Hillman. Li ma qalux l-edituri tat-Times, huwa dwar dak li allegatament hemm fl-inkjesta li stabbilixxiet it-tixħim. Minn rapporti oħra qrajna li fl-inkjesta l-maġistrat u l-espert forensiku tagħha sabu ħjiel li kien hemm manuvri editorjali biex jiffavorixxu lill-Partit Laburista. Dan ammettieh ukoll Keith Schembri meta kiteb fuq Facebook li kien hu li wassal biex it-Times tibda tisma’ u tifhem lill-Partit Laburista. Lkoll nafu x’kienu jagħmlu ġurnalisti tat-Times.

Lesta, it-Times tiftaħ investigazzjoni dwar dan ukoll? Forsi xi wħud minn dawn il-ġurnalisti li telfu l-kredibilita’ ta’ The Times illum telqu minn ma’ dan il-ġurnal. Biss li tiġi The Times tgħid li ma kienx hemm qtugħ nett u dan it-tixħim ma niżilx anki sal-linja editorjali ta’ dan il-ġurnal, ma naħsibx li ser jitwemmen minn kulħadd. Fuq kollox, anki dak li qed jiġri llum f’The Times u ċertu mġieba ġġib ħafna mistoqsijiet. Dejjem il-ġurnalisti ta’ The Times u l-edituri tagħha mxew mal-kodiċi ta’ etika tal-istess gazzetta? Dan jgħodd anki għal dawn preżenti.

Forsi din l-investigazzjoni tista’ tgħin biex tistabilixxi l-mottiv u jekk kienx hemm xi relazzjonijiet esterjuri.

Ir-rewwixta tal-lum fit-Times se jkollha konsegwenzi kbar għal din l-istituzzjoni. Biss din l-istituzzjoni ma tistax tibqa tibbaża fuq il-glorji tal-imgħoddi għaliex salvat il-Malta fil-gwerra jew għax inħarqet fl-1979. Il-poplu Malti ma għandu l-ebda obbligu lejha, bħal ma għandu l-ebda obbligu lejn ħadd. Il-verita’ hija li The Times salvat għaliex kienet gazzetta mmexxija minn prinċipji konservattivi – imsejħa Kattoliċi. Dawk illum intramaw il-baħar Riedet tkun liberali u progressiva u tilfet il-kredibilita’ tagħha. Biss din hija storja oħra

X’ser jiġri ‘l quddiem Alla biss jaf. J’Alla din l-istorja ma tkunx il-bidu tat-tmiem ta’ The Times.

Leave a Reply