Peregin jispira ruħu minn dan il-blogg f’mistoqsija li qal lil Dr Bernard Grech

Blogpost minn osservatur politiku

Il-bieraħ, Bernard Grech ġie mistoqsi minn Christian Peregin. Minħabba din l-intervista, għall-darba oħra, fi ftit jiem irrid ngħaddilek kumment pożittiv Dr. Simon Mercieca. Dan qed nagħmlu għax ftakart li inti kont ktibt artiklu ftit jiem ilu, fl-14 ta’ Marzu, taħt dan l-isem: Il-Media tal-Partit Nazzjonalista għandha tagħti lura l-flus kollha li ħadet mingħand Yorgen Fenech. F’dan l-artiklu inti kont għalaqt l-artiklu tiegħek hekk:

“Fuq kollox, jekk il-Media tal-Partit Nazzjonalista temmen li Yorgen Fenech korrott u l-flus li qala’ kienu frott il-korruzzjoni, kull ma għandha tagħmel huwa li trodd lura jew tagħti karita’ dawk il-flus kollha li skont Pierre Portelli hija ħadet mingħand Yorgen Fenech, għaliex dawn huma flus tal-korruzzjoni!”

Irrid nifraħlek għax anke l-ġurnalist ta’ Lovin Malta, is-Sur Peregin, jidher li qara l-artiklu tiegħek u dan il-ġurnalist silet dan il-ħsieb ta’ hawn fuq u qara din il-mistoqsija għal Dr Grech:

“Il-ġimgħa li għaddiet smajna li l-PN taħt Delia rċieva flus minn għand Yorgen Fenech għall-salarji għall-ħaddiema anke wara li konna nafu li kien sid ta’ 17Black, qed issir investigazzjoni interna, ħa tagħti dawn il-flus lura, ma taħsibx li dawn huma flus imċappsin bid-demm?”

Jiena rrid nagħti l-krettu lil min ħaqqu. Dr Grech kien preċiż fir-risposta tiegħu. Fil-fatt spiċċa hekk:

“…. ħa jirriżulta x’jirriżulta, imbagħad inkun nista’ ninvestiga. Jekk ingħataw flus dawk il-flus aħna ma rriduhomx”.

Nixtieq nagħmel kumment fuq il-mistoqsija li għamel is-Sur Peregin. Fl-istess mistoqsija staqsa jekk hux qed issir investigazzjoni, naqblu. Biss jien ma naqbilx li fl-istess mistoqsija staqsejt jekk Dr Grech jidhirlux li dawn huma flus imċappsin bid-demm. Sa fejn naf jien ma hemm l-ebda konnessjoni bejn din l-għotja finanzjarja u qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fuq kollox, Yorgen Fenech għandu d-dritt tal-presunzjoni tal-innoċenza sakemm jinstab ħati. Kummenti bħal dan jagħmluh ġa ħati u jkissru kull dritt tiegħu ta’ innoċenza.

Leave a Reply