Dr. Adrian Delia jhedded li jieħu l-gvern il-qorti

Nhar it-Tlieta 16 ta’ Marzu 2021 fil-parlament kienet għaddejja d-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Interpretazzjoni (It-tieni qari). Smajna diversi kelliema min-naħa tal-Oppożizzjoni li attakkaw bil-qawwa dan l-abbozz. Spjegaw li jekk jgħaddi dan l-abbozz, li jirrikjedi biss maġġoranza parlamentari, jkun qed jagħti lok għal interpretazzjoni żbaljata tal-kostituzzjoni. Dan l-abbozz ġie mressaq mill-gvern wara tentattiv li falla biex ibiddel il-kostituzzjoni.

Niftakru li biex jinbidlu xi partijiet mill-kostituzzjoni hemm bżonn il-vot ta’ żewġ terzi tal-kamra parlamentari. Il-kelliema kollha argumentaw li dan l-abbozz ser ikollu effett negattiv ħafna fuq il-kostituzzjoni li qiegħda hemm biex fuqha jitmexxa l-pajjiż u fejn l-poplu Malti jsib il-gwida u l-wens tiegħu. Kull kelliem tkellem fit-tul u b’mod konvinċenti ħafna. Biss kien membru wieħed mill-parlamentari tal-oppożizzjoni kollha li sfida lill-gvern u qallu li ser jieħdu l-qorti jekk il-Ministru li qed jippilota dan l-abbozz jibqa’ għaddej bih. Dan kien Dr Adrian Delia li waqt id-diskors tiegħu fil-parlament qal:

“…. u jien inkun l-ewwel wieħed illi jekk tgħaddi din il-liġi, u qed ngħidlu lill-gvern mhux bi sfida imma b’lealta’ lejn il-kostituzzjoni tagħna,… u din il-liġi tant tmur kontra l-kostituzzjoni, tant qed tkisser dak li trid tiddefendi l-kostituzzjoni, id-drittijiet taċ-ċittadin, illi jien inkun minn tal-ewwel li mmur biex nattakka din il-liġi ħalli l-qrati tagħna jiddikjaraw li tmur kontra l-kostituzzjoni”.

Għal darba oħra kellu jkun dan id-deputat li reġa’ ħass il-bżonn li jkun ta’ tarka għall-poplu Malti u Għawdxi. Din mhux l-ewwel darba li Dr Delia mar il-qorti għall-ġid tal-poplu. L-eżempju jkaxkar u għalhekk ser nieħdu fuq kliemu lil Dr Delia. Diġa wriena fejn kapaċi jasal u allura nawguralu.

Imma għal darba oħra erġajna rajna li ħadd minn sħabu ma’ ngħaqad miegħu. Nispera li semgħuh d-diskors ta’ Dr Delia. Nispera ma għadhomx jiffomentaw il-mibgħeda lejn dan id-deputat li fis-siegħa tal-prova jkun hemm biex joħroġ għonqu għall-Maltin u l-Għawdxin. Jiddispjaċini nara u nisma’ li lanqas Dr Grech ma ta widen għad-diskors ta’ Dr Delia.

Dr Grech int kont awgurajt lil Dr Delia biex ikompli l-kawża tal-isptarijiet li saret meta lanqas kont toħlom li ser tkun fil-parlament. Imma issa qed tmexxi l-Partit. Dan hu membru tal-grupp parlamentari tiegħek. Dan ser jieħu azzjoni konkreta. Inti fejn int, Dr Grech?

Leave a Reply