Lawrence Gonzi u pożizzjoni tiegħu fil-Partit Nazzjonalista

Blogpost minn osservatur politiku

Nixtieq nagħmel referenża għall-intervista li kellu Dr Gonzi riċentament. Jiena għandi ammirazzjoni kbira lejn Dr Gonzi u kien pjaċir kbir għalija li fakkarna f’ħafna avvenimenti sbieħ li għaddejna minnhom. Pero jien naf ukoll li Dr Gonzi għamel ħafna għedewwa u tilef ħafna nazzjonalisti. Dan jurih ir-riżultat diżastruż li l-Partit Nazzjonalista kiseb fl-2013 b’Dr Gonzi fit-tmun.

Nixtieq nikkummenta fuq żewġ affarijet. Xi ħaġa li ma ħarġitx waqt l-intervista u oħra li intqalet u jien ma naqbilx magħha. Ħa nibda bl-ewwel waħda. Nafu kollha li l-Partit Nazzjonalista kważi seraq l-elezzjoni tal-2008 għax rebaħha bi ftit iżjed minn elf vot. Possibli l-Partit ma tgħallem xejn minn dik ir-rebħa minima? Mhux ser nidħol fuq il-ħafna deċizjonijiet meħuda minn Gonzi tul il-ħames snin imma nixtieq nuri d-dispjaċir tiegħi li l-mistoqsija prinċipali għaliex intilfet b’daqshekk numri kbar l-elezzjoni tal-2013 ma saritx lil Dr Gonzi.

Jien kont viċin ta’ ħafna nies politiċi dak iż-żmien u l-arroganza missejtha b’idejja. Dr Gonzi ma semma’ xejn, jista’ jkun għax ma ġiex mistoqsi direttament, dwar l-arroganza kbira li ntweriet man-nies nazzjonalisti u m’humiex. Kemm ġew mogħtija bis-sieq in-nazzjonalisti għax xtaqu jew talbu xi ħaġa li kien ħaqqhom. Ħafna minn dawn kellhom kull dritt u ġew miċħuda. Ma jien qed nagħmel ebda referenza għal dawk il-ħafna li kienu jressqu talbiet li ma kellhom ebda dritt għal xejn.

Sfortunatament l-politiċi kienu jaħsbu li l-poplu jinsa u fis-siegħa tal-prova jerġa’ jagħtihom il-vot. Fuq dan l-għaġir tiegħu u ta’ ħafna minn sħabu fil-poter dak in-nhar, iridu jagħmlu eżami tal-kuxjenza profond u dettaljat. Għandhom jammettu li għalkemm il-poplu bagħtilhom messaġġ ċar bir-riżultat tat-2008 li posthom huwa mdendel u mhux sikur, dawn ġew jaqgħu u jqumu.

Ma naħsibx li għandi għalfejn nagħti eżempji għax jekk naħsbu ftit, kulħadd jista’ jiftakar u jistqarr xi eżempju li laqgħat lilu. L-arroganza kienet telgħet għar-ras il-politiċi fil-poter u sfortunatament bata l-poplu.

It-tieni ħaġa hija fuq xi ħaġa li qal Dr Gonzi. Dwar it-telfa tal-2013, Dr Gonzi qal hekk “proċess demokratiku u tbaxxi rasek quddiem id-deċizzjoni tan-nies’.

Dr Gonzi ser nibdillek kelma waħda. Allura il-kwotazzjoni tiġi tinqara hekk: ‘proċess demokratiku u tbaxxi rasek quddiem id-deċizzjoni tat-tesserati’. Aċċettajtu Dr Gonżi dak il-proċess demokratiku li sar internament fil-Partit fl-2017? Naf li qatt ma qbilt li jivvutaw it-tesserati. Imma ħa nfakkrek li kieku Dr Delia ntagħżel mill-kunsilliera biss, il-persentaġġ kien ikun ikbar.

Dr Gonzi qal ukoll, “(Jien illum) irtirat mill-politika u nagħmel ħilti biex noqgħod il-bogħod mill-ispot light politiku, insegwi iva u ma nipparteċipax”. Din Dr Gonzi weġġgħajtni daqsxejn biha. Ser ngħmel xi mistoqsijiet lil Dr Gonzi. X’mort tagħmel id-Dar Ċentrali siegħat qabel l-elezzjoni tal-Kap akkumpanjat minn Dr de Marco għand Dr Delia?

Fuq kollox, fejn qatt ma kont attendejt eżekuttiv, għalfejn onorajtna bil-preżenza tiegħek meta kien hemm l-eleżżjoni fl-eżekuttiv biex niddeċiedu jekk immorrux għal vot b’Dr Delia waħdu, allura biex nikkonfermawh, jew biex nivvutaw għal open contest fost kandidati interessati?

Jiena nemmen li jekk politiku jirtira mill-politika, ma kellux jmur għal din il-laqgħa tal-esekuttiv kif fil-fatt ma marx Eddie Fenech Adami.

Leave a Reply