Għala Karol Aquilina kien il-qorti l-bieraħ?

Waqt li kont qed naqra dak li kien qed isir il-qorti bdejt nimmaġina nara xi silta minn xi film Amerikan, fejn jirrakkontalna kif kienu jtellgħu l-qorti xi numru kbir ta’ membri minn għaqda mafjuża bil-karozzi tal-pulizija fuq quddiem.

Naħseb kull pajjiż b’xi mod jew ieħor jeżerċita l-istess sistema meta l-qorti jitilgħu grupp ta’ nies. Naf li uża l-awla numru 22 għax l-ikbar awla fil-qrati tagħna. Minħabba l-pandemija ħassejtha nteressanti nisma’ min daħal fl-awla dak il-ħin.

X’ħin smajt li fost l-avukati kien hemm ukoll Dr Karol Aquilina stennejt li ser naqra fuq il-portal li kien qed jirrappreżenta lil xi imputat jew xi waħda mill-kumpaniji msemmija. Imma xejn minn dan.

F’qalbi għidt qisu ħuh, Robert. Infakkar li Robert Aquilina mar jisma’ x-xhieda tal-Koħħu. Issa ħuh, Karol, mar jara grupp ta’ nies jittellgħu l-qorti taħt arrest. Qanqlitli l-kurżita’ għax tibda tistaqsi lilek innifsek x’mar jagħmel dan ma’ Therese Comodini Cachia? Nifhem li Therese Comodini Cachia tkun hemm bħala l-avukat tal-familja Caruana Galizia. Imma Karol għalfejn? Tgħid mar biex jara li l-proċeduri tal-arrest isiru sewwa? Tgħid mar biex ikun jista’ jirrapporta x-xeneġġjata lir-Repubblika, tramite ħuh? Tgħid mar bħala l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ġustizzja? Tgħid mar biex jara li l-maġistrata twettaq dmirha sewwa għax jekk tirrokka jkun lest jaqlalha fil-parlament taħt il-privileġġ tal-kamra? Tgħid mar jippreżenta lill-Oppożizzjoni?

Biss ġara fatt interessanti. Jason Azzopardi ma ssemma mill-ebda portal li kien preżenti għal din is-seduta fil-qorti. Mhux soltu li dan jitlef okkazzjoni bħal din. Fil-każ li ma marx, wieħed jistaqsi jekk Karol Aquilina kienx qed jirrappreżenta lil Jason Azzopardi jew lil xi ħadd ieħor? Jiġifieri dak li ma setgħax ikun hemm għax qiegħed il-bogħod minn xtutna u li miegħu, Karol Aquilina kien mar il-qorti biex fetaħ din l-inkjesta bil-maġistrat.

Leave a Reply