Vizzjoni biex ikun hawn aktar ħdura f’Malta

Blogpost minn Osservatur Politiku.

Kemm nixtieq nara lil għażiża Malta tagħna tħaddar ħafna iżjed. Nispera li ħadd ma jifhem li qed nirreferi għall-ħdura li toħroġ minn fommna jew li tinkiteb mill-pinna tagħna. Qed nirreferi għall-kampanja tagħna. Tgħiduli bħalissa mhux kullimkien ħdura għandna. Veru imma Malta għandha tkun sabiħa u mħaddra s-sena kollha.

M’aħniex xi art kbira u għalhekk inħoss li l-Gvern, immexxi minn min ikun, għandu jaħdem ħafna iżjed biex artna tfawwar ħafna iżjed bis-siġar. Jiena nixtieq li ż-żminijiet li qed ngħixu fihom aħna għandhom ikunu ta’ xprun biex il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna jkomplu jimxu fuq il-passi tagħna u pajjiżna jiġi qisu ġnien kbir. Jien noħlom li nara bħal Miżieb, foresta żgħira, f’kull rokna ta’ Malta u Għawdex.

Kemm induru fil-kampanja u naraw żoni żgħar u anke kbar fejn jistgħu jitħawwlu siġar. M’inhiex ngħid li kull fejn hemm art maħduma mill-għeżież bdiewa tagħna għandna noħduhielhom u nużawha għal xi ħaġa oħra. Xejn minn dan. Anżi jiena naqbel li l-awtoritajiet għandhom jgħinu ħafna iżjed lill-bdiewa tagħna, ħalli jixtru u jżidu l-makkinarju modern biex inaqqsu t-tbatija tagħhom u jkomplu jagħtuna dak il-frott u l-ħxejjex bnin.

Hawnhekk qed nirreferi għal kull biċċa art madwar Malta u Għawdex li għandha tintela b’siġar imħawwla mill-awtoritajiet. Kull rokna tal-pajjiż, mhux użata u forsi addirettura mitluqa, għandhom jitħawlu s-siġar. Kulħadd jaf u kollha kemm aħna nifhmu l-ġid kbir li jagħmlu lill-uman is-siġar. M’għandi ebda ħsieb li noqgħod nispjega hawn imma rrid nemfasizza li pajjiżna għandu bżonn immedjat li jħawwel ħafna iktar siġar.

Fl-opinjoni sinċiera tiegħi pajjiżna nieqes ħafna minn din il-ħdura matul is-sena kollha. Jiena nemmen li din l-iniżjattiva jekk tittieħed bis-serjeta tista’ jkollha effett ta’ ġid enormi għall-pajjiżna. Fil-pajjiż żgħir tagħna għandna l-fortuna li kull lokalita’ hija taħt ir-responsabilita’ ta’ Kunsill Lokali. Mogħtija kull għajnuna neċessarja u immaġinabbli kull Kunsill Lokali għandu jiddentifika żoni, huma fejn huma, u jikkonsidrhom għall-imsaġar kbar jew żgħir.

Iniżjattiva bħal din tista’ tħaddar lil Malta u Għawdex u tkattar is-sbuħija li pajjiżna hu diġa mogħni biha. Kollox irid jiġi ppjanat u magħmul bi ħsieb. Biex inkompli noħlom ngħid li f’dawn l-imsaġar għandhom jitħawwlu siġar diġa mlaħqin ta’ żewg jew tliet metri. Ma nifhimx jekk dawn is-siġar għandhomx jitkabbru hawn Malta jew jiġu mpurtati minn barra pajjiżna.

Malta u Għawdex huma mogħnija b’nies tal-mestjier li kapaċi jiddentifikaw liema huma dawk is-siġar li jistgħu jitkabbru f’pajjiżna minħabba t-temp partikulari tagħna. Jekk jinġiebu minn barra, naħseb li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jressqu dawn l-istudji quddiem l-Unjoni Ewropea biex pajjiżna jakkwista l-għajnuna neċessarja.

Fl-opinjoni umli tiegħi nħoss li kull partit politiku għandu jagħmel ħiltu biex l-problema tal-arja mniġġsa għandha tiġi mnaqqsa jekk mhux solvuta. Hawn min jista’ jgħid li dan huwa ħolm fid-dawl tax-xemx. Imma jekk ma toħlomx ma twettaqx. Din hija proposta mressqa biex toħloq il-ġid. Tista’ taqbel u tista’ tikkritika. Jiena ngħid li jekk kull darba li toħlom il-ġid tipprova tikkonkretizzah, fl-aħħar xi ħaġa tajba toħroġ u tirriżulta.

Leave a Reply