Għaliex Jason Azzopard u l-Partit Nazzjonalista mhux jitkellmu dwar Keith Schembri?

BLOGPOST mINN OSSERVATUR POLITIKU

Dr. Simon Mercieca kiteb iżjed minn darba biex juri l-agħa tiegħu għal fatt li Jason Azzopardi, avukat tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, qed jagħmel minn kollox biex lil Keith Schembri ma jsemmihx fil-kontro-eżamijiet li qed jagħmel fil-qorti. Bħalu kitbu nies oħrajn, fosthom, l-iżjed mod abbli, l-avukat Christian Grima. Min-naħa tiegħi, ħsibt ħafna fuq x’jista jkun il-mottiv wara dan l-aġir ta’ Jason Azzopardi.

L-ewwel konsiderazzjoni li tiġi f’moħħok hi li xi ħadd għandu xi storja fuq Jason Azzopardi u qed iżommu ostaġġ biha. Ma tistax issejħilha fantażija, meta tqis li anke l-Prim Ministru Abela kellu storja fuq Jason Azzopardi. Dr Robert Abela meta fettillu faqqagħhielu ma’ l-erba’ irjieħ ta’ Malta.

Iżda b’iktar ħsieb profond bdiet tfeġġ il-mistoqsija: imma l-familja ta’ Daphne Caruaan Galizia kif qed tħalli lill-avukat tagħha milli ma jistaqsi xejn dwar Schembri? U bi ftit iżjed ħsieb u tfittxija fuq l-internet, irrealizzajt li mhux biss il-familja ta’ Daphne mhix tikkummenta fuq Schembri, imma lanqas l-allejati tagħhom.

Tat-Times nasal biex nifhimha li għandhom għalfejn iżommu lura għaliex dak li jaf fuqhom Schembri ma jafu ħadd iżjed. Iżda tar-Republika, tal-Occupy Justice u tas-Soċjeta Civili, immexxija minn Michael Fenech Adami, kif anke huma ukoll mhux ilisnu kelma fuq Keith Schembri? Tqalleb ftit ieħor u ssib li anke l-Partit Nazzjonalista bil-kemm isemmieh lil Keith Schembri u meta l-Kummissarju tal-Pulizija ħabbar li mhemmx iżjed persuni x’jitressqu, la Karol Aquilina, kelliem għall-Ġustizzja u lanqas Bernard Grech ma fetħu ħalqhom u semmew lil Keith Schembri.

Wara kollox Keith Schembri ssemma minn Melvin Theuma bħala wieħed minn dawk involuti, anki jekk issa qed jgħid li ma jistax jaħlef għalih. Din il-kobba baqgħet imħabbla f’moħħi sakemm irrealizzajt li jista’ jkun hemm ħafna iżjed li għadna mhux nifhmu jew naraw.

Mela l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia bħal donnu għandha ġenn biex Yorgen Fenech jiġi ddikjarat l-uniku mandant ħalli tkun tista’ ssib ġustizzja iżda wkoll tmexxi bil-kawża li resqet għad-danni. Hemm min qed jgħid li l-Gvern diġa warrab €20 miljun għax jaf li se jitlef din il-kawża. Iżda biex il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia jirbħu din il-kawża bl-għeruq u x-xniexel, se jkollhom bżonn evidenza ta’ dak li kien jiġri f’Kastilja biex Daphne sabet ruħha assedjata mill-Gvern ta’ Joseph Muscat.

Hawnhekk il-mistoqsija tiġi waħedha, min aħjar minn Keith Schembri jista’ jkun biex jagħti din l-evidenza? Allura jekk hemm bżonn din l-evidenza, għala Jason Azzopardi u l-Partit Nazzjonalista mhux qed jagħmlu mistoqsijiet dwaru? Inkellha din l-istorja hija kollha mibnija fuq id-duħħan.

Biex nibdew nemmnu li minn dak li qed ngħid m’hemm xejn, irridu nibdew naraw lil Jason Azzopardi u l-bella kumpannija jistaqsu dwar l-involviment ta’ Keith Schembri f’dan il-qtil makabru! Jekk le, allura din hija kollha storja orkestrata kontra Yorgen Fenech.

Leave a Reply