Lil kull min kien ma’ Delia ma jriduhx fil-Partit Nazzjonalista
Il-bieraħ urejt bil-provi li fil-Partit Nazzjonalista ma hemmx post għal kulħadd. Żgur li wara li tellajt dan il-post fejn ex-Kunsillier fejn tkellem kif tneħħielu l-vot, issa ħadd ma jista’ jgħid li jien qed inxewwex. Issa bil-provi wrejt li fil-Partit Nazzjonalista ma hemmx post għal kulħadd. Issa bil-provi wrejt li l-Partit Nazzjonalista qegħdha tmexxi klikka.
Il-bieraħ, il-Ħadd, 14 ta’ Marzu 2021, ċertu Paul Borg minn Ħal Qormi kiteb li hu, wara xi għoxrin sena ġie mċaħħad mill-vot tiegħu mill-kunsill ġenerali. Dan ġie deċiż wara li ftit ġimgħat ilu saret l-elezzjoni għall-kumitat sezzjonali ta’ Ħal Qormi. Affarijiet li jitwemmnux li dan il-kumitat il-ġdid għoġbu jħalli barra ex-membri tal-kumitat jew kandidati tal-istess elezzjoni jew nies oħra li kienu jxaqilbu lejn Dr Adrian Delia.
Biss f’Ħal Qormi u anke f’każijiet oħra f’ċerti kumitati ta’ lokalitajiet oħra ġara l-istess. Deputati u kandidati għall-elezzjoni ġenerali resqu nies tagħhom biex il-kumitat ikun mmexxi minn nies li jaħdmulhom il-kampanja għall-elezzjoni ġenerali. Dan ġara minn deputati u kandidati li dejjem għamlu parti mill-klikka li ħadmet ħafna sa xħin tgħajret lil Dr Adrian Delia. Per eżempju, Birkirkara wara l-bieb tal-każin kien hemm persuna qrib ħafna ta’ Beppe Fenech Adami. Ma naħsibx li kienet hemm biex jitla’ Beppe għax ma jistax imma kienet hemm biex il-voti tat-tesserati jmorru favur dawk li jaħdmu l-kampanja elettorali ta’ Fenech Adami.
Forsi tgħiduli li dan dejjem hekk isir. Ngħidilkom li għandkom raġun. Imma kif f’kull kumitat li kien hemm elezzjoni saret kampanja sħiħa biex xi ħadd li kien favur Delia ma jitlax fil-kumitat? X’sinjal qed jibgħat dan? Wieħed biss. Dr Adrian Delia u kull min kien b’xi mod jew ieħor favur tiegħu jriduh jisparixxi mill-Partit Nazzjonalista. Innotaw x’inhu jiġri f’kull kumitat, fergħa jew xi ħaġa oħra, u tirrejalizzaw li dan li qed ngħid qed iseħħ.
Imbagħad ikollok lil Dr Bernard Grech jipprova jibgħat għan-nies u jipprova jikkonvinċihom li hu jrid l-għaqda. Jiddispjaċini Dr Grech kull ma qed tagħmel qed jiswielek suf. Kull ma qed jagħmel qed jisfidawh u jkissruh dawk kollha li għandek madwarek.
Imma din xi tkun li kull min b’xi mod jew ieħor ried jew xtaq li Dr Delia jibqa’ jmexxi l-Partit qed jiġi mwarrab qisu għandu l-pesta? Jista’ xi ħadd ifhemni kif Partit politiku trid taqbel miegħu f’kollox u bilfors? Fejn hi miktuba din? Forsi kitibha Louis Galea fl-istatut u jien ma rajtiex? Forsi mniżżla x’imkien u ma nafux biha? Għax jien ma nistax nifhem ħaġa importantissima. Meta ssir elezzjoni ta’ Kap tal-Partit tfisser li kull min jaħdem għal xi kandidat jew kandidati fl-istess tellieqa li ma jitilgħux jrid iwarrab hu u kull min tah l-appoġġ?
Jew din xi sistema li daħħlet issa minħabba l-ħdura nkredibbli li daħlet din il-moqżieża klikka kontra Adrian Delia? Jien niftakar tajjeb meta kien hemm it-tellieqa ta’ Dr Eddie. X’suppost għamel, biex insemmi wieħed, Dr de Marco? Dan suppost telaq ‘l hemm u ħa miegħu lil kull min appoġġjah. Fl-elezzjoni ta’ Dr Gonzi allura rridu nifhmu li kull min kien ta l-appoġġ tiegħu lil John Dalli suppost sparixxa mill-Partit kif Dalli tilef l-elezzjoni. Din lanqas saret meta kien hemm l-elezzjoni ta’ Dr Busuttil. Allura kif għadd hawn min qed jaħdem, nispera kontra kull ordni mill-amministrazzjoni tal-Partit, biex in-nies li ssapportjaw lil Delia jridu jitneħħew minn kollox u ma jkollhom ebda vot imkien?
Jista’ xi ħadd mill-amministrazzjoni kurrenti jispjegalna x’qed jagħmlu biex ma jħallux dan il-kankru jkompli jinxtered għax ser jeqred in-numri ta’ votanti Nazzjonalisti? Jista’ xi ħadd mill-amminstrazzjoni jwaqqaf lil dawn il-membri, parlamentari u kandidati kkonfermati għall-elezzjoni ġenerali, mill-ħsara kbira li qed jagħmlu lill-Partit? Jista’ jispjegalhom lil dawn is-sangisugi jieqfu jkeċċu Nazzjonalisti u jissugraw li jitilfu iżjed u iżjed voti? Jista’ xi ħadd mill-amministrazzjoni jispjegalhom li l-Partit mhux tagħhom u jieqfu jaħdmu fuq l-aġenda personali tagħhom?