Paul Borg tneħħa minn Kunsillier għax ta’ Delia: jagħmel blog twil fejn jiżvoga fih

Dan hu l-blog twil li kiteb Paul Borg wara li ma baqgħax Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista:

“Għadni kif gejt mgħarraf li l-kumitat tal-PN Qormi elett minn block vote maħdum bejn deputat u kandidat għoġbu jneħħili d-dritt tal-vot fil-kunsill ġenerali wara madwar għoxrin sena nħaddan dan id-dritt. Matul dawn l-għoxrin sena, ħdimt kemm flaħt biex inwassal il-messaġġ tal-partit f’kull kantuniera tas-6 distrett u anki ma’ Malta kollha. Għax-xogħol tiegħi għamilt ħafna għedewwa mill-kamp Laburista u spiss ukoll kont mira t’attakki, tgħajjir u żeblieh mis-soċjalisti. Ma jimpurtax, li tagħmel mill-qalb u b’kuxjenza safja ma jħassru hadd. Bħali tneħħilhom il-vot ex-membri tal-kumitat li ħadmu qatta bla ħabel għall-partit, wisq iktar minni wkoll. Ġrew mal-lokalita’ kollha bil-voti u bit-tesseri, ħadmu ħafna għall-fundraising u dejjem kienu leali lejn il-partit. L-ikbar dispjaċir tiegħi huwa għal dawn in-nies li ħadu l-grazzi tas-sagrifiċċji tagħhom.

Personalment, bħala membru tal-kunsill ġenerali fallejt biss darbtejn l-istess kunsill ġenerali, darba għax kont ma niflaħx u darb’ohra għax kont imsiefer. Ikkontribwejt dejjem f’kull ġabra li saret u attendejt għexieren t’attivitajiet ta’ fund raising li jagħmel il-partit minn żmien għal żmien. Attendejt ukoll kull attivita’ politika li għamel il-partit sa fejn kien materjalment possibbli għalija. Matul is-snin tiegħi fil-kunsill ġenerali innominajt, ivvutajt u eleġġejt bil-vot tiegħi tliet kapijiet differenti. Kont bil-fatti wara kull kap u qatt m’użajt il-vot tiegħi biex nisfiduċja lil xi ħadd minnhom, anzi meta ntalbet il-fiduċja, dejjem żammejt sod fl-appoġġ tiegħi lejn il-kap tal-ġurnata.

Jidher pero li issa kien imissni niġi kkastigat tal-lealta’ tiegħi. Il-lealta’ m’għadiex virtu’ apprezzata fil-partit. Illum jaqbillek tkun ipokrita u timxi mar-riħ. Id-dnub tiegħi kien u għadu li bqajt dejjem leali lejn dawk li ħlift lealta’ lejhom u fuq kollox l-ideali li jagħmluni Nazzjonalist. Minix kapaċi nittradixxi dak li nemmen fih fil-qiegħ ta’ qalbi.

Għalkemm ma naqbel xejn mat-tmexxija preżenti, qatt ma ddikjarajt li l-vot tiegħi kien se jieħdu ħaddieħor. B’ċertu romatiċiżmu għadni nemmen li hemm elementi tajbin fil-partit u li s-sewwa jirbaż żgur. Għadni nemmen li l-Partit Nazzjonalista għad jerġa jħaddan id-difiża tad-demokrazija u għad irid jerġa jirrispetta l-għażla tal-partitarji. Emmint dejjem li l-partit jappartjeni lill-partitarji u ħadd iktar. L-ebda deputat jew kandidat m’għandu jaħseb li għandu dritt jgħaffeg fuq il-partitarji ġenwini biex jieħu vantagg politiku. Hawn min jgħid li għax nesprimi ruħi b’dan il-mod jien traditur, li m’għadnix leali lejn l-arma. Min jaħseb hekk żbaljat u żbaljat ħafna. Meta kelli d-dritt tal-vot dejjem għamilt li stajt biex ir-rispett lejn il-kolonni li msejjes fuqhom il-partit jibqaw sodi u ma jiġu mittiefsa qatt. Dawn il-kolonni huma d-demokrazija, s-solidarjeta’, t-trasparenza u l-kuxjenza soċjali.

Kont fuq quddiem nett fil-krucjata biex l-arma u l-isem tal-partit ma jinbidlux kif xtaqu uħud minn dawk li hemm fit-tmexxija llum. Kont aħrax fil-ħsieb li fergħa taż-żgħażagħ ‘Team Start’ ma titneħħiex hekk kif imħabbar waqt il-kampanja tal-kap preżenti Bernard Grech. Jekk wara dan kollu jien nibqa’ meqjus bħala ribelli, sempliċiment għall-fatt li għandi opinjoni differenti mill-kotra, allura nibda naħseb li ninsab kburi li jien ribelli u li jien traditur. Jien nibqa’ dejjem Nazzjonalist, jien tal-Maduma.”

Grazzi talli qrajtu l-izvog tiegħi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *