Il-Media tal-Partit Nazzjonalista għandha tagħti lura l-flus kollha li ħadet mingħand Yorgen Fenech

Mela llum, il-media tal-Partit Nazzjonalista għamlet tagħha storja li dehret fis-Sunday Times tal-lum stess. Deher biċ-ċar li din l-istorja tas-Sunday Times hija meħuda mill-WhatsApp messages ta’ Yorgen Fenech. Infakkar li hemm divjit fuq il-pubblikazzjoni ta’ dawn il-WhatsApp messages. Infakkar ukoll li l-avukat Jason Azzopardi qal f’rikors li kiteb għan-nom tal-familja Caruana Galizia lill-maġistrata Montebello li kull min ixandar informazzjoni li l-qorti tagħmel divjit fuqha, aktar iwa milli le, hu parti minn xibka ta’ kriminalita’ organiżżata.

Jien mhux ser ngħid dan il-kliem fil-konfront tal-media tal-Partit Nazzjonalista. Biss ngħidilha, li din il-pubblikazzjoni ta’ chats bejn Yorgen Fenech u l-ex-kap tal-awtorita’ tal-gaming mhux qed isiru fl-interess tal-ġustizzja iżda fl-interess ta’ min ma jridx li t-Tumas Group jibqgħu jopera f’dan is-settur. Jiġifieri hawn għandna gwerra bierda fis-settur tal-gaming u tal-Casinos. Fuq kollox, ic-chats li ppubblikat is-Sunday Times ma fihom xejn ta’ barra minn hawn jew b’xi mod jistgħu jinkriminaw lil xi ħadd.

Biss nistaqsi lill-media tal-Partit Nazzjjonalista jekk hux veru li ftit tal-jiem ilu, il-Partit Nazzjonalista kellu jagħmel xi ħlasijiet lill-bank HSBC? U jekk iwa, x’kienu dawn il-ħlasijiet u għal-liema raġunijiet?

Fuq kollox, hux veru li falla l-pjan tar-ribelli li numru ta’ negozjant li kien waqfu jagħtu bejn €5000 u €10,000 fis-sena lill-Partit Nazzjonalista wara li Adrian Delia kien sar kap tal-Partit Nazzjonalista, ma reġgħux ġew lura wara li Bernard Grech sar kap tal-partit? Vera li dawn ir-ribelli ħasbu li dawn in-negozjanti kienu ġejjin lura wara li Delia jitkeċċa? Veru li minn dawn in-negozjanti li waqqfu jagħtu l-flus, ftit biss reġgħu bdew jagħtu donazzjoni lill-Partit Nazzjonalista wara li laħaq kap Bernard Grech? U jekk dan veru, tista’ l-media tal-Partit Nazzjonalista tippubblika isimhom u tgħidilna kemm hu n-numru tagħhom?

Wara li l-media tal-Partit Nazzjonalista għamlet tagħha din l-istorja tas-Sunday Times, ma tantx naħseb li ser jibqa’ negozjanti li ser ikunu lesti li jgħinu lill-Partit Nazzjonalista. Infakkar li Yorgen Fenech kien beda jagħti l-flus biex jitħallsu l-pagi tal-ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista. Għall-inqas dan hu dak li ntqal fl-inkjesta tat-tliet imħallfin. Min hu fin-negozju ser iħares lejn il-mod kif il-media Nazzjonalista tittratta lil min kien jagħtiha l-flus. Sa ftit ilu, il-paga tal-ħaddiema tal-Media Link kienu ggarantiti minn Yorgen Fenech. Illum, din l-istess media spiċċat tikkritika l-istess Yorgen Fenech meta gawdit mill-flus li Yorgen Fenech kien jaqla’.

Wieħed jaħseb li qed tagħmel sew il-media tal-Partit Nazzjonalista tikxef l-awwar ta’ Yorgen Fenech għaliex qed tfittex s-sewwa. Niddubita kemm dan hu minnu. Tajjeb jew ħażin, nies fil-business dejjem jiktbu lill-awtoritajiet. Iżda min hu fin-negozju jaħseb mod ieħor. Dawk fin-negozju ser jgħidu li kif il-Partit Nazzjonalista għamel lil Yorgen Fenech, dan jista’ jagħmel lilhom!

Nistaqsi lill-media tal-Partit Nazzjonalista jekk din hix il-vera raġuni għala sostenituri qawwija li kellu fil-passat il-PN, telquh. Mela dawn ma telqux minħabba Adrian Delia sar kap tal-Partit Nazzjonalista. Ħafna minn dawk li telqu wara li Delia sar kap, jidher li qatt ma ġew lura. Dawn in-negozjanti telqu mhux minħabba Delia imma għaliex il-Partit Nazzjonalista ma baqgħax jidher affidabbli f’għajnejn in-nies tan-negozju.

Jekk dawn l-istejjer huma minnhom, dawn ħallew impatt kbir fuq il-finanzi tal-partit. Fuq kollox veru li hemm twissijiet li s-sitwazzjoni tant hija gravi li hemm bżonn li ssir maratona mill-aktar fis?

Fuq kollox, jekk il-Media tal-Partit Nazzjonalista temmen li Yorgen Fenech korrott u l-flus li qala’ kienu frott il-korruzzjoni, kull ma għandha tagħmel huwa li trodd lura jew tagħti karita’ dawk il-flus kollha li skont Pierre Portelli hija ħadet mingħand Yorgen Fenech, għaliex dawn huma flus tal-korruzzjoni!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *