Ħames mistoqsijiet marbuta mal-kumpilazzjonijiet li kellna din il-ġimgħa li ħadd għadu ma għamel
Ħa nagħmel ftit punti oħra fuq dak li ħareġ matul din il-ġimgħa fil-qorti. Mela, l-aħwa Agius tal-Maksar qed ikunu akkużati li ssuplixxew il-bomba għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kif ukoll li ordnaw l-qtil tal-avukat Carmel Chircop.
Mela l-ewwel mistoqsija li trid issir hija din. Jekk l-aħwa Agius tal-Maksar kienu kapaci jordnaw qtil ta’ avukat li kien ta’ piż għalihom, daqsekk ieħor setgħu kienu huma li ordnaw l-qtil tal ġurnalista wara li kixfitilhom il-borma fil-blogs tagħha. Qed ngħid dan biex nuri li b’dak li ħiereġ fil-qorti s’issa juri li l-mottiv tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għadu mhu ċar xejn u dak li ntqal s’issa li Daphne Caruana Galizia nqatlet minħabba 17 Black u l-Electrogas qed isir aktar u aktar inverosimili, li hija kelma li tintuża fil-lingwa tal-qrati biex tfisser li l-bogħod mis-sewwa.
Mela t-tieni mistoqsija li trid issir hija jekk kienx hemm aktar minn mottiv wieħed u minħabba f’hekk numru ta’ forzi ġew flimkien? Jekk dan hu minnu, mela hemm aktar minn mandant wieħed kif qal tajjeb Vince Muscat il-Koħħu. Infakkar li Melvin Thuema dejjem tkellem ma’ Vince Muscat il-Koħħu bi prenomi fil-plural u b’hekk ta wieħed x’jifhem li jaf min huma.
Fuq kollox, matul din il-ġimgħa issemmgħu ħafna affarijiet oħra relatati mal-bombi li allegatament Agius tal-Makstar issupplixxew biex tinqatel Daphne Caruana Galizia. It-tielet mistoqsija. Tal-Maksar tħallsu għal dawn il-bombi? Iwa jew le? Possibli li Melvin Theuma kien jaf kemm tiswa’ u Vince Muscat il-Koħħu le? Allura quddiem il-possibilita’ li tal-Maksar ma tħallsux għall-bomba x’kien l-iskop li pprovduwha b’xejn? Għaliex riedu jeħilsu minnha?
Imbagħad hemm xi ħaġa oħra fuq Melvin Theuma. Din twassalni għar-raba’ mistoqsija. Kien Melvin Theuma li ssupplixxa sustanzi lil Yorgen Fenech? Hu fatt magħruf li Yorgen Fenech għamel xi żmien fir-rehabilitation għall-użu tad-droga. Jekk mhux Melvin Theuma, minn fejn kien iġibha d-droga Yorgen Fenech? Il-media issemmi numru ta’ każijiet fejn l-aħwa Agius b’mod dirett jew indirett, ġew assoċjati ma’ dawn l-affarijiet, b’mod partikolari l-kokaina. Biss Yorgen Fenech ma jidhirx li kien f’kuntatt mal-aħwa Agius u wisq inqas li jafhom.
Il-ħames u l-aħħar mistoqsija li din l-analizi tqajjem hija din. Tgħid Melvin Theuma kien approffitta ruħu minn Yorgen Fenech kull meta Yorgen Fenech kien ikun high bid-droga biex jirrekordjah? Fi kliem ieħor ġegħlu jinkrimina lilu innifsu apposta biex jsir l-iscapegoat li semma Vince Muscat (il-Koħħu) fix-xhieda tiegħu? Nixtieq infakkar li Vince Muscat qal fix-xhieda tiegħu matul din il-ġimgħa, taħt ġurament li Alfred Degiorgio qallu li kienu ser iwaħħlu f’ħaddieħor għal dan id-delitt.