Aktar madwar l-istorja tat-tneħħija ta’ Paul Borg minn kunsillier
F’artiklu li ktibt qabel fissirt kif il-kumitati sezzjonali qed itajru nies li ilhom bil-vot fil-kunsill ġenerali għal ħafna snin. Qed itajruhom primarjament għax kienu sostenituri ta’ Adrian Delia. Imma issa x’qed jiġri? Issa għandna eżekuttiv u kunsill ġenerali li jista’ jissejjaħ imbagħbas. Issa l-Partit Nazzjonalista spiċċa bl-għola organu li għandu fil-Partit, jiġifieri l-eżekuttiv, li biex issir diskussjoni miftuħa jrid ikun hemm xi ħadd li jiddeċiedi li joħodha kontra kulħadd. Issa għandek eżekuttiv li fl-elezzjoni tal-Kap li għaddiet xaqleb kollu lejn Dr Grech.
Il-messaġġ li qed jintbagħat huwa wieħed ċar li Dr Grech jista’ jressaq kull vot quddiem l-eżekuttiv u l-kunsill ġenerali għax ser jerbħu żgur. Għalhekk issa l-Partit Nazzjonalista spiċċa fis-sitwazzjoni li jressaq xi jressaq ser jerbħu żgur. B’hekk jekk iressaq vot, ser ikun jidher ċar li qed jgħaddi ż-żmien bin-Nazzjonalisti. Issa għandu mija fil-mija ċerteżża li kull ma jressaq hu, ser jgħaddi b’vot qawwi kemm fl-eżekuttiv kif ukoll fil-kunsill ġenerali.
Din dan hu ta’ ġid għall-Partit Nazzjonalista? Din hija dittatura assoluta b’mod pulit. Kif jista’ issa l-Partit jiftaħar li fih issir diskussjoni miftuħa fuq kwalunkwe suġġett li jitla’ għad-diskussjoni? Kif jista’ l-Partit Nazzjonalista jibqa’ dak il-mużajk ta’ idejat? Kull ma jrid jagħmel Dr Grech, jew xi ħadd viċin tiegħu, jgħid xi jrid jagħmel, hi x’inhi, u kulħadd fil-pront jagħtih il-barka tiegħu.
Ikolli ngħid li dan kien pass maħsub, minn żmien ilu u jmur għal meta leħaq Louis Galea ntlaħaq. Dan ried jagħmel ħafna affarijiet oħra barra li jikteb kif ried hu l-istatut. Dan issa għandu l-fakulta li forsi jerġa’ jibda jhewden fuq il-bdil tal-isem tal-Partit jew ibiddel il-bandiera. Issa għandu pjazza pulita quddiemu. Min ser iżommu? Min ser imur kontra x-xewqa tiegħu? Ma ninsewx li dan għajjar kemm felaħ lil Dr Delia li l-istess Delia kien qal li kien iddiżappuntat ħafna b’dak li għamillu Dr Galea meta kien fdah.
Iż-żmien għad irid jagħtina parir. Biss għalkemm Dr Grech għandu dawn iż-żewġ organi favur tiegħu, dan jista’ jgawdih biss għal ftit żmien. Jiena għadni nsostni li l-ħsieb tal-klikka kien u għadu li jimlew il-post ta’ Kap b’xi ħadd sal-elezzjoni ġenerali li jmiss, basta ma jkunx Dr Delia. Dr Grech daħal għall-parti f’dan id-dramm traġiku bħala attur perfett. Tiġi l-elezzjoni u dawn in-nies kollha li tpoġġew bi ħsieb fl-eżekuttiv u fil-kunsill ġenerali jiftħu l-ġwienaħ u juru l-kuluri moħbija tagħhom u jingħaqdu wara l-personaġġ il-ġdid li għadu ma tfaċċax għalissa u jagħtu l-appoġġ kollu tagħhom lil dan il-magħżul. Lil Dr Grech poġġewh hemm biex jitfaċċa l-elezzjoni ġenerali li jmiss hu u, kif inhu mistenni, jieħu t-telfa hu mhux il-magħżul tal-klikka, mmexxija minn Louis Galea, Simon Busuttil u l-kardinal tal-Mdina.
Ħa nagħti eżempju kif nasal għal dan. Kulħadd jaf li David Casa jrid jinżel minn Brussel biex isir Segretarju Ġenerali. Kien ser jipprova jieħu dik il-pożizzjoni issa fuq livell ta’ part time, allura jibqa’ xorta MEP. Kien ser imexxi remotely għal 3 t’ijiem minn Brussel u 4 minn Malta. Iżda d-deċiżjoni nbidlet u ser iħalli lil Dr Zammit Dimech jieħu d-daqqa elettorali hu. Wara l-elezzjoni jiġi full time Segretarju Ġenerali għal ħames snin ma mexxej ġdid. Kollox biżżilla jaħdmu dawn in-nies. Kollox maħsub u organizzat u meta taqralhom moħħhom jibdew jgħidulek dawn kollha conspiracy theories.
Taħsbu li intom inteliġenti aktar minn ħaddieħor imma xi wħud jistgħu jaqrawlkom moħħkom qisskom ktieb miftuħ