Iridu anki jneħħu lill-viċi-kapijiet
Blogpost minn partitarju Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista minn żmien Simon Busuttil biddel l-istatut b’tali mod li fil-Partit inħoloq il-post ta’ żewġ Viċi Kapijiet. Din nafu għalfejn kienet saret dak iż-żmien u hekk kellna lil Mario de Marco u Beppe Fenech Adami ma jissuppervjawx jew jiġġieldu bejniethom. Għalhekk ġew ikkuntentati t-tnejn.
Dak in-nhar kont għidt għax ma naqbdux l-istatut tal-Labour u nagħmlu fotokopia tiegħu u naddattawh għalina. Dak kont għidtu għax kien donna qed nieħdu l-ideat kollha tal-Labour. Illum għandna żewġ viċi-kapijiet ukoll. Nafu, imma forsi mhux kulħadd jaf, li kellna membri tal-parlament javviċinaw il-viċi-kapijiet u jistaqsuhom, “meta ser twarrbu ħalli Dr Grech ipoġġi lil min irid hu”.
Meta tisma’ dawn l-affarijiet tibda tgħid imma dawn il-parlamentari lanqas l-istatut tagħna ma jafu. Il-viċi-kapijiet għażilnihom aħna t-tesserati u jibqgħu hemm għall-perjodu kollu li vvutajnilhom għalih. Biżżejjed tgħajjartu Kap bi ħdura, kulur li issa daħal jagħmel parti mill-istatut tal-Partit. Veru li għandna żewġ viċi-kapijiet imma Dr Grech kemm qed itihom ċans jaħdmu.
Ftit ġimgħat ilu smajna li ċertu nies fl-amministrazzjoni ta’ Bernard Grech għamlu minn kollox biex ma jħallux lil David Agius joħroġ fuq id-distrett ta’ H’Attard. Tant dawn in-nies jagħmlu affarijiet dilettantesk li ħasbu li ma ndunajniex għalfejn. Ftit wara sirna nafu, għax iddikjara, li Dr Grech ser jilgħab home u ħiereġ fuq l-istess distrett għax ma H’Attard hemm il-Mosta u Dr Grech joqgħod il-Mosta. Allura pruvaw iwarrbu lil David Agius biex ma jisraqlux voti lil Dr Grech. L-importanti li l-Kap jilgħab home għax jibża’.
Il-Partit bħalissa qed jidfen lill-viċi-kap l-ieħor Robert Arrigo. Mhux biss huwa l-viċi-kap imma huwa kandidat li lill-Partit tah numru kbir ta’ voti elezzjoni waħda wara oħra. Imma issa jidher li l-Partit għandu kandidat preferit tiegħu li x’aktarx lanqas biss joqgħod fl-għaxar distrett u qed jagħmel ħiltu kollha biex jitfa’ l-magna tal-Partit wara dan l-isem.
Hawnhekk m’inhix qed nagħmel referenza għal Dr Joe Giglio li hu kandidat li kapaċi jilgħab il-logħba mingħajr ebda għajnuna minn xi referee. Imma ejja nirrejalizzaw kemm Dr Grech u n-nies ta’ madwaru jaraw sa mnieħirhom. Grazzi għall-blogs tiegħek Dr. Mercieca dwar il-finanzi tal-Partit Nazzjonalista sirna nafu li qiegħdin fi stat diżastruż. Ftit tax-xhur ilu kont titkellem mal-ħaddiema tal-media u tal-Partit u kienu jgħidulek li jħossuhom b’moħħhom mistrieħ għax dment li l-finanzi jibqgħu f’idejn Robert Arrigo kienu ċerti li l-paga ser tidħol. Tgħid kif qed iħossuhom illum? Tgħid minn dak li qed jisimgħu għandhom rashom mistrieħa bħal qabel? Mela meta jkollok persuna li għamel tlett snin jaħdem kemm jiflaħ, jara x’jivvinta, jara x’jorganizza u jara x’jista’ jimmaġina biex jaqla’ l-flus, mhux għalih, imma għall-ħaddiema, kif tista’ tifhem li dawn l-għorrief li sabu xortihom fil-partit b’mod opportunist għall-aħħar, iwarrbu lil Robert Arrigo u jippruvaw, mingħalihom, inaqqsu l-importanza li jixraqlu? Veru, kif qalilhom il-Ministru Fearne, ‘meta tkun ġo ħofra tibqgħax tħaffer’.