L-Inkjesta ma sabet l-ebda korruzzjoni marbuta mal-BWSC

Osservatur politiku

Qrajt b’interess kbir li l-inkjesta stabbilixxiet li ma kien hemm l-ebda sinjal ta’ korruzzjoni fil-BWSC, kif kien allega l-Partit Laburista mmexxi minn Joseph Muscat,

Nibda biex ngħid li fl-ebda pajjiż serju li jgħid li hu demokratiku u li jirrispetta s-saltna tad-dritt m’għandhom jgħaddu disa’ snin biex tiġi finalizzata nkjesta.

Dawk li fuqhom ġie allegat korruzzjoni f’dan il-każ ilhom li ħallsu l-prezz politiku u soċjali. Issa x’se jieħdu lura? Nistenna li bħalma dejjem kien ħafif biex jikteb fuq Facebook, l-ewwel wieħed li jrid joħroġ apoloġija lil Lawrence Gonzi u lil Austin Gatt irid ikun il-Partit Laburista u dawk kollha fil-Partit Laburista li tkellmu fuq dan il-proġett.

U forsi l-aħħar wieħed li għandu jagħmel apoloġija pubblika hu l-ex-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil. Tgħiduli, ta xix għandu japoloġizza? Malli sar Kap tal-PN fl-2013, Busuttil telaq fuq kampanja biex joskura lil dawk kollha li kellhom xi rabta mal-Gvern ta’ Lawrence Gonzi. Dak iż-żmien Austin Gatt kien sar persuna non-grata fil-PN. Fil-fatt kien biss taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia li isem Austin Gatt reġa beda jissemma. Simon Busuttil, biex jidher ġdid, modern u liberali, warrab l-ex Ministri ta’ Gonzi.

George Pullicino spiċċa kelliem u mhux shadow minister. Tonio Fenech ingħata l-ġenb u qata’ qalbu tant li telaq mill-politika. Carm Mifsud Bonnici twarrab bħal donnu kellu l-pesta. Clyde Puli spiċċa kelliem taħt Shadow Minister li kienet fi Brussel u mhux f’Malta. Mario Galea ingħata l-kura ta’ l-annimali bħala dekasteru li fuqu kellu jitkellem. Giovanna Debono kellha tirreżenja fuq pressjoni ta’ Busuttil. Joe Cassar twarrab mill-Grupp Parlamentari. Wara kien iddeċida li jirreżenja.

Insomma, minn hemm u minn hawn Busuttil warrab lil dawk kollha li kellhom x’jaqsmu mal-Gvern ta’ Gonzi biex minflok ġab il-klikka li llum reġgħet ħadet kontrol tal-Partit wara li ħadmu biex tajru lil Kap Adrian Delia. Tant ma riedx ikollu x’jaqsam mal-Gvern ta’ Gonzi, li Busuttil għamel boycot fuq l-inawgurazzjoni tal-interconnector u spiċċa mar għaliha Lawrence Gonzi biss peress li l-proġett kien viżżjoni tiegħu u kien hu li ġab il-flus mill-UE għalih.

B’hekk, naħseb li llum Simon Busuttil għandu jkollu id-dekor u jitlob apoloġija lil dawk kollha li kienu parti mill-Gvern ta’ Gonzi u li hu warrab biex minflokhom ġab lil Karol Aquilina (li ma telax mid-distrett tiegħu minkejja li familtu mis-Siġġiewi), lil Claudette Buttigieg li fir-referendum tal-EU kienet spalla ma’ spalla ma’ Alfred Sant fuq is-Super 1 u oħrajn li meta Malta kienet mifnija bil-korruzzjoni tal-Panama Papers irnexxielhom iġibu telfa akbar minn dik li ġarrab Gonzi wara 25 sena ta’ Gvern Nazzjonalista.

Naħseb li wara dak li rriżulta mill-inkjesta, għandu jiftaħ l-istaġun tal-apoloġiji.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *