Bernard Grech reġa’ kien negattiv fil-konfront tal-pandemija

Blogpost minn osservatur politiku

Meta il-politiku jkun stinat jibqa’ għaddej bin-narrativa tiegħu. Erġajna segwejna konferenza stampa oħra minn Dr Grech, il-Kap tal-Oppożizzjoni. Min kitiblu l-iscript tat-tieni konferenza lanqas indenja ruħu jaqra l-ewwel script jew għallinqas jisma’ l-konferenza. Indunajtu li nofs, jekk mhux iżjed, mill-kliem li qal fit-tieni konferenza tal-lum kien kliem repettitiv, kważi kelma b’kelma tal-ewwel konferenza. Jiġifieri naħseb xi ħadd mill-Covid team, kitiblu repetizzjoni? Possibbli dan il-politiku li donnu qed jipprova jbellgħalna sa griżmejna li hu politiku kompetenti, lanqas hu ma rrealizza li reġa’ rrepeta dak li qal qabel.

Kif għidt diġa, reġa’ għamel ħemel ta’ attakki fuq il-Prim Ministru, kif għamel aktar kmieni llum. Tista’ Dr Grech tesprimi ruħek mingħajr ma’ tgħajjar? Tista’ tesprimi ruħek b’mod raġonevoli mingħajr ma’ tinsulenta lill-Prim Ministru? Ikolli ngħid li taf eżatt li l-potenzjal tiegħek huwa pjuttost il-bogħod minn dak ta’ Dr Abela. Erġajt waqgħajt fin-nasba tan-negattivita’. Erġajt tkellimt u, għat-tieni darba fl-istess ġurnata, flok għaddejt kliem ta’ kuraġġ lil poplu kont għal darba oħra negattiv u qed terġa’ twerwer lill-poplu li waslet l-aħħar tad-dinja.

Għid lil min jiktiblek l-iscripts biex jipprova jkun daqsxejn pożittiv għal darba. Għid lil min qed jiktiblek li l-poplu ilu ibagħti u għandu bżonn jisma’ ftit kliem li jimlieh bit-tama. Min jikteb għandu jirrifletti li billi twerwer lin-nies, billi toqgħod tgħid li l-vapur ser jegħreq, li l-vapur qiegħed bla kaptan, li l-magni tal-vapur dalwaqt jieqfu, almenu għidlu lil poplu li xorta ser tagħmel ħiltek biex twassal il-vapur sal-port. Possibbli ma teżistix tama fid-diskorsi tiegħek? Possibbli kollox jaqtagħlek qalbek? Possibbli ma taħsibx ftit fit-tajjeb tal-pajjiż? Possibbli f’moħħok għandek biss għanqbut li qed iċajparlek il-vista? Int għidt il-lejla li l-gvern qiegħed fi kriżi. Nispera li smajt lill-Prim Ministru, u kkonfermati minn Profs Gauci, li l-miżuri meħuda kienu bbażati fuq ix-xjenza wara diskussjonijiet mal-esperti.

Dr Grech int qed tgħid li Profs Gauci għandha tieħu d-deċiżżjonijiet hi, imbagħad ma taċċettax deċiżżjonijiet li ħa l-Prim Ministru fuq il-pariri tal-istess Profs Gauci. Għidt ukoll li l-gvern qiegħed f’paniku. Nispera li smajthom il-lista ta’ miżuri meħuda. Dawn jirriflettu paniku jew miżuri tanġibbli biex, jekk Alla jrid, innaqqsu dawn in-numri perikulużi li qiegħdin fihom?

Xi ħaġa fastidjuża u bla sens li għamilt illum Dr Grech, kienet li ridt b’qawwa li l-lejla fil-parlament issir diskussjoni dwar is-sitwazzjoni tal-virus f’pajjiżna. Mela int ridt id-diskussjoni u mhux l-azzjoni filwaqt li l-Prim Ministru ma ħalliex id-diskussjoni u mar għall-azzjoni. Tista’ jekk jogħoġbok iddaħħalha f’rasek li bħalissa mhux zmien ta’ pika imma żmien li titfa’ rasek ma’ ras il-Prim Ministru u taħdmu flimkien. Kemm-il darba ser jgħidulek biex ma ddawwarx dan il-mard kiefer f’ballun politiku.

Ġurnalista qaltlek li diversi pajjiżi oħra ħadu l-miżura ta’ emerġenza tas-saħħa u xorta n-numri baqgħu jikbru. Imbagħad staqsitek x’kont tagħmel int. Ir-risposta kienet tgħajjira oħra lil Prim Ministru u jgħid biss li kien jieħu l-miżuri qabel. Għal mistoqsija oħra jekk għandux jitlaq il-Prim Ministru minħabba l-kritika u tgħajjir li għamillu, r-risposta ta’ Dr Grech kienet li le l-Prim Ministru issa irid joqgħod hemm ħalli jerfa’ r-responsabilita’ ta’ għemilu. Dr Grech hawn irid jiddeċiedi, jew ser jieħu t-tmexxija tal-pandemija minn idejn il-Prim Ministru jew xorta jħallih hemm biex jerfa’ r-responsabilita’. F’risposta oħra int għidt li l-miżura li ħareġ biha l-Covid team tal-PN għandha tittieħed bis-serjeta għax tfisser ħafna u ma fissirtx kemm u xi tfisser. Almenu meta toħroġ b’suġġeriment wieħed spjegah.

Fl-aħħar kumment tiegħu kien li għax fallew kemm Dr Abela kif ukoll Dr Fearne, għandu jgħaddi kollox f’idejn Profs Charmaine Gauci. Imma hawn nixtieq nistaqsi lil Dr Gech, jekk int trid twarrab għal kollox lill-politiċi minn ser ikun responsabbli għall-effetti politiċi u ekonomiċi li kull miżura li tista’ tieħu Profs Gauci ser ikollha? Jekk int trid tneħħi lil politiċi minn ser jiddeċiedi biex jagħmel tajjeb għat-telf finanżjarju lill-familji li kull miżura jista’ jkollha? Allura Dr Grech, ma taħsibx li jkun ħafna aħjar, li f’sitwazzjoni prekarja fuq is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi, ma tilgħabx il-ballun politiku, tnaqqas mill-kritika u minflok toħroġ b’suġġerimenti tanġibbli li jagħtu tama u jimlew lil-poplu b’kuraġġ li flimkien ser nerbħu din il-ġlieda enormi li qed niffaċċjaw?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *