Bernard Grech irid lill-pajjiż jitmexxa minn Charmaine Gauci

Blogpost minn osservatur politiku

Għadna kif smajna konferenza tal-aħbarijiet mill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar is-sitwazzjoni diffiċli li l-pajjiż għaddej minnu minħabba l-COVID-19. Dr Grech għamel ħames minuti jattakka lill-Prim Ministru personalment għas-sitwazzjoni preżenti li l-pajjiż jinsab fiha. Kważi kważi, taħseb wara li tisma’ dan id-diskors, li Dr Robert Abela qiegħed b’xi ġewlaq f’idejh idur ma’ Malta u jqassam il-virus f’pakketti nkartati sbieħ.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li sejjaħ il-Covid-19 team tiegħu u wara diskussjoni bejniethom, għax ma qalilniex li kellhom xi esperti magħhom, ħareġ bil-lista fantażma ta’ miżuri. L-unika ħaġa li qal kienet li ser isostni mal-gvern li l-pajjiż imur fuq emerġenza nazzjonali fis-saħħa pubblika. Dan ifisser li d-deċiżżjonijiet jittieħdu kompletament mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Mela nistgħu nikkonkludu li l-Covid-19 team tal-Partit Nazzjonalista l-uniku pass ‘il quddiem li qed jikkontendi huwa li Profs. Charmaine Gauci tieħu d-deċiżżjonijiet hi flok il-politiċi.

Biex inkunu tajna wkoll il-benefiċċju tad-dubbju, il-gvern suppost kull deċizzjoni li jieħu, joħodha wara li jkun iddiskuta mal-istess Supretendent. Xi smajna minn għand Bernard Grech,

1 li l-pandemija ħarbet minn idejn Robert Abela.

2. Li Robert Abela li hu supperv u rasu iebsa.

3. Li Dr Abela għamel dikjarazzjonijiet irresponsabbli u ħa deċizzjonijiet ħżiena.

4. Li ta’ dawn id-deċizzjonijiet li ħa l-Prim Ministru qed iħallas il-poplu.

5. Li n-negozzji qed jaraw kollass.

6. Li l-kriżi ġabha b’idejh il-Prim Ministru.

7. Li l-Ministri għandhom tort għax ma waqfulux lill-Prim Ministru.

8. Li Dr Grech tefa’ r-responsabilita’ kollu fuq il-Prim Ministru.

9. Li qed nassistu għal kollass tas-servizzi tas-saħħa.

10. Li fl-isptar hemm kollass sħih fl-emerġenza, fis-swali tal-kura intensiva u fis-swali tal-mediċina.

11. Li għandna lista ta’ skejjel dejjem tikber bi studenti bil-Covid jiżdiedu b’mod allarmanti.

12. Li ġenituri li ma jistgħux imorru għax-xogħol għax qiegħdin kwarantina ma’ uliedhom.

13. Li għandna ammont ta’ negozzji u ntrapriżi magħluqin.

14. Li l-kaptan tal-vapur li daħħalna f’din il-maltempata kkrolla taħt pressjoni.

15. Li wara dan kollu l-Kaptan sparixxa.

16. Li dan hu l-mument li jitlob politiċi maturi u kompetenti li jiddeċiedu b’konvinzjoni u mhux b’konvenjenza.

Kif smajt dan id-diskors ħassejtni ser intir bil-ferħ. Hassejtni mimli bil-kuraġġ għax Dr Grech, avukat u mhux mediku, tani lista ta’ miżuri li bihom żgur ser inkun konvint li ser ngħix dawn il-ġranet fi trankwillita’ u mingħajr ebda biża li ser taqbadni il-marda. Kemm qed inħossni b’moħħi mistrieħ li l-Kap tal-Oppożizzjoni ħareġ l-id tal-għajnuna lill-gvern. Qed inħossni konvint li għandna politiku matur u kompetenti li ser iwaqqaf fil-pront it-tixrid tal-virus. Wiċċi reġa’ ħa l-kulur għax smajt lil Dr Grech jgħid li l-Covid team tiegħu u l-grupp parlamentari kollu qed jagħmlu riċerka qawwija biex iżidu ma’ din il-lista ta’ suġġerimenti li għadu kif għadda lil-Gvern speċjalment lill-Prim Ministru!

Illum ikkonfermajt kemm għandna oppożizzjoni fqira f’dan il-pajjiż. Konferenza tal-aħbarijiet ta’ 5.08 minuti bil-mużika ta’ introduzzjoni b’kollox li kien fiha biss, kif elenkajt qabel, attakki personali fuq il-Prim Ministru. Meta tisma’ diskors bħal dan tistaqsi, imma l-oppożizzjoni tal-pajjiz sa hawn kapaċi tasal?

Imma possibbli li l-Oppożizzjoni ħadet f’idejha li tgħaddi messaġġ ta’ qtigħ il-qalb u ta’ twerwir lill-poplu? Imma possibbli li dan il-Kap mhux kapaċi jinża s-suppervja kbira li għandu, jilbes ftit umilta’ u joffri s-servizz tiegħu lill-Prim Ministru biex flimkien jaħdmu kontra dan l-attakk inviżibbli?

Għandu raġun kull wieħed u waħda minnha ngħidulek, Dr Grech, li int bniedem negattiv. Għandha raġun kull persuna li tikteb li meta tisma’ lilek taħseb li ġejja l-aħħar tad-dinja. Kulħadd għandu raġun meta jgħidulek li int an armchair critic. Kulħadd għandu raġun meta jgħidulek li sabulek pultruna u poġġewk fuqha għax ħasbu li tista’ tagħmel ftit ġid imma għal xejn. Malta kollha taf li bħalissa għaddejja laqgħa tal-gabinett biex jiddeċiedu kif ser jimxu ‘l quddiem. Lanqas din ma rrikonoxxejt. Jekk int qed tgħid li fin-naħa tal-gvern hemm politiċi b’nuqqas ta’ maturita’ u ta’ kompetenza nistieden lil kull min qed jaqra biex jifforma hu l-opinjoni tiegħu fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *