Id-diskors ta’ Robert Aquilina fuq it-taraġ ta’ Kastilja
Blogpost minn osservatur politiku
Jiena xi kultant niskanta kif jaħsbuha ċertu politiċi u nies oħra li jilgħabuha tal-politiċi u magħhom ċertu għaqdiet Ewropej. Smajt id-diskors ta’ Robert Aquilina fuq Kastilja li kien qed jagħmel fix-xita biex jurina kemm hu cowboy. Skandalizzajt ruħi meta semma’ l-kelma sturdut kemm-il darba b’referenza għall-Prim Ministru. Jiġifieri wasalna fi stat, għal dawn li mingħalihom ta’ l-ewwel tier jew elitisti, li kif xi ħadd jgħid li kien qed iħossu xi ftit ma jiflaħx tuża’ l-mard li kien qed iħoss biex issawtu bih.
Hekk hu, dawn huma l-pijunieri tas-saltna tad-dritt u spiċċajna li politiku ma jistax ikollu d-dritt li jgħid li qed iħossu ma jiflaħx. Imma possibbli li dawn in-nies ma kellhomx iżjed sugu fid-diskors tagħhom. Din il-persuna qed imexxi l-għaqda Repubblika. Jien naħseb aħjar isejħilha l-għaqda repubblika tal-banana. Dan l-elitist u sħabu kitbu stqarrija fejn ħarġet ċara l-arroganza. Ħareġ ċar kemm għandhom il-virtu’ ta’ superjorita’ tiġri f’demmhom. Ħareġ ċar kemm jaħsbu li huma aktar superjuri mill-politiċi li l-poplu Malti u Għawdxi ivvota bi ħġaru għalihom. U dawn iridu jiddettaw l-aġenda tal-pajjiż mingħajr ma għandhom ebda vot wara daharhom imma mingħalihom poġġew lilhom infushom fuq il-pultruna tal-poter.
Huma qed jindirizzaw lill-Prim Ministru għax jaħsbu li hu qed jagħti l-ordnijiet ta’ kif għandu jaġixxi l-Kummissarju tal-Organizzazzjoni tal-Voluntiera. Qed jitolbu lil Prim Ministru jirtira t-theddid li skond huma qed isir kontra din l-għaqda b’ordni mill-Prim Ministru. Mela flok jirrispondu għan-nuqqasijiet li l-Kummissarju sab fl-istatut tal-għaqda, huma jitfgħu theddid lil kap tal-gvern. Hawnhekk ma aħniex qed nitkellmu fuq xi ħaġa żgħira imma qed tiġi ndirizzata problema serja fejn il-Kummissarju qed jordna lill-għaqda biex xi emendi fl-istatut jew jittieħdu passi legali kontra l-istess għaqda. Dawn qed jiġu mixliha wkoll għall-mod irregulari ta’ kif jiġbru l-flus. Għalkemm ċaħdu kollox, din l-għaqda għadha ma fornitx lill-Kummissarju d-dokumentazzjoni neċessarja biex tipprova dan.
Imma dawn l-elitisti jistennew li kulħadd għandu jaċċetta, jobdi u jieħu bħala verita’ dak kollu li jgħidu huma. X’jiġifieri għandhom jagħtu xi rendikont lill-awtoritiajiet konċernati? X’jiġifieri dawn l-elitisti għandhom jagħtu xi sodisfazzjon lil xi ħadd kif jiġbru l-flus? Mela dawn daqs xi partit politiku? Dawn huma għola minn kull partit politiku u għandhom jiġu trattati bl-ingwanti tas-satin. Dawn intilfu fl-arroganza tagħhom stess. Dawn qed jgħidu li jekk il-Kummissarju ma jirtirax l-komunikazzjoni tiegħu u ma jistaqsihom għal xejn, dawn ser jinfurmaw lill-ambaxxati, konsulati kif ukoll lill-Kummissjoni Ewropea u organizzazzjonijiet oħra internazzjonali.
Imbagħad hawn minn jgħid li l-Ministru Evarist Bartolo ma kellux raġun meta qal, ‘li hawn liġi għall-allat u oħra għall-annimali’. Mela dawn iqisu lilhom infushom bħala allat għax iridu jkunu ‘l fuq mil-liġi.
Aħdem ħaddiem u ara jfettillek tiżbalja għax taqa’ fuqek il-liġi, imma dawn tmissuhomx għax dawn iqisu lilhom infushom għola mil-liġi tal-istat.