Għal darba oħra miżura kontradittorji marbuta mal-Covid19: għall-inqas jidher li ġiet irranġata.
Il-Covid-19 f’pajjiżna qed jagħmel rebus. Dan il-virus qattiel qed ikisser u jagħmel ħafna ħsara f’kull qasam tal-ħajja. L-isfortuna hi li dan il-virus misħut qiegħed ukoll jintuża minn ħafna stati diversi madwar id-dinja għall-skopijiet oħra. Ir-riżultat hu diżastru assolut fis-saħħa tan-nies, b’numri ta’ mwiet għoljin li ħadd ma hu qed jitkellem dwarhom u li mhumiex marbuta mal-Covid19. Fuq kollox, il-miżuri dinjin li ttieħdu wasslu biex tkissru ekonomija ta’ ħafna pajjiżi u ta’ ħafna nies. Il-mistoqsija prinċipali x’inhi? Għandha nieħdu ħsieb il-ħajja jew l-ekonomija?
Fl-opinjoni ta’ ħafna, hija li niġġieldu b’kemm għandna saħħa l-mard u wara l-bniedem b’saħħtu jerġa’ jibda jaħdem u r-rota terġa’ tibda ddur. Hemm min jemmen li dawn il-miżuri qed joqtlu n-nies. F’Malta hemm numru sostanzjali ta’ dawn in-nies li ġejjin mill-istess kamp Laburista u tajthom leħen kif nagħti lil kulħadd. Dan jista’ jispjega għala qed tinżel il-kredibilita’ tal-Prim Ministru anki fost il-Laburisti.
L-agħar ħaġa li tista’ ssir hija li l-poplu ikun nieqes mill-verita’ u jiġi mogħti direzzjonijiet żbaljati. Fuq dan l-argument nibża li l-Prim Ministru qiegħed jgħum f’baħar għarib għalih. Irid jiddependi fuq ħaddieħor u jinsab konfuż lil min jemmen u lil min le. Min verament qed jgħidlu l-verita’ u min irid jagħtih kambetta.
Biss il-Prim Ministru jrid jaqbad il-barri minn qrunu u jikkonċentra sewwa u jieħu deċiżjonijiet li jagħmlu sens u li jkunu ċari biex il-poplu jifhem eżatt x’qed jiġi ordnat jagħmel. Fl-istess waqt ngħid lill-Kap tal-Oppożizzjoni irid jieqaf jilgħab il-logħba politika u jekk għandu sens ta’ dover lejn il-poplu u mhux opportuniżmu, għandu jipproponi bla riserva kull idea li jista’ jisma’ jew jaħseb. Bħalissa mhux il-waqt li nilagħbu għall-gallarija jew li nieħdu xi vantaġġ politiku. Fejn jidħol il-mard ma hemmx piki jew logħob bid-diskors. Ma naqbel xejn ma xi attakki li saru fuq il-Prim Ministru għax iddikjara li kien qed iħossu sturdut, allura ma jiflaħx. Biss ma naqbel xejn miegħu lanqas li jidħol jaħdem meta jkun ma jiflaħx. Aħna rridu t-tmexxija tal-pajjiż f’idejn nies fiżikament b’saħħithom u mentalment sani. Għalhekk jeżisti l-Viċi, biex meta jkun hemm il-bżonn jieħu t-tmun f’idejh. Il-Prim Ministru u n-nies esperti ta’ madwaru jridu jkunu ċari mal-poplu mhux jagħtuh indikazzjonijiet imħawdin għall-aħħar.
Ħa nibdew minn l-aħħar deċiżjonijiet. Ittieħdet id-deċiżjoni li jingħalqu l-kafetteriji, ir-restaurants etc. Imma lil dawn tawhom iċ-ċans li jservu take away. X’ġara wara li ħarġu dawn l-ordnijiet? Issemmew li xi nies ġew mogħtija ċitazzjonijiet għax kienu qed jieklu barra, dak li xtraw take away. Jekk xi ħadd imur f’kafetterija li qed toffri take away u tixtri kafe’ u xi ħaġa żgħira x’tiekol, x’suppost tagħmel? Tmur id-dar tixrob il-kafe’? Imma dawn x’affarijiet huma? Kif tista’ tgħid lill-kafetterija tiftaħ u tagħti ċitazzjoni lil min jkun qed jixrob il-kafe’ u jiekol pasta? Ir-raġuni hija għax neħħew il-maskla. Imma kif jistgħu jieklu dawn in-nies? Infakkar fil-miżura tat-tipjip. Min ikun qed ipejjep jista’ joqgħod bla maskla u min ikun qed jiġri jew jiġġoggja wkoll. Biss dawn ir-reġolamenti ma jagħmlux sens. Mela, fl-istess triq, wieħed għax qed ipejjep jew jiġri jista’ joqgħod bla maskla, u l-ieħor li qed jieħu kafe’ u pasta nwaħħallu ċitazzjoni. Imma nafu x’aħna nagħmlu? Dan eżempju żgħir ħafna imma ta’ importanża kbira. Ma naħsibx li għandi nagħti aktar eżempji għax l-argument nispera li nftiehem. Ma nistgħux nittrattaw lin-nies b’dan il-mod. Irridu nkunu ċari u eżatti fl-ordnijiet tagħna.
Mela ejja niffukaw ftit iżjed, kulħadd, imma l-aktar it-tobba u l-politiċi forsi id-dawl fl-aħħar tal-mina jibda jikber u jitqawwa.
PS. Sadanittant, jidher li kien hemm żvilupp għaliex din il-miżura dwar l-ikel ġiet irranġata.