Tgħid insiru nafu jekk kienx hemm ordni biex ikun oskurat il-Gvern ta’ Gonzi?

The Sunday Times of Malta il-bieraħ infurmatna li nkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrata Josette Demicoli rrakomandat li jinħarġu akkużi kriminali kontra Keith Schembri u Adrian Hillman. Dan jista’ jsir fil-ġimgħat li ġejjin. X’ser ikunu l-akkużi s’issa għadu mistur.

Imma għalkemm The Sunday Times of Malta tatna din l-informazzjoni, l-awtur tal-artiklu, Ivan Martin, ma semma xejn dwar ir-rapport intern li l-istess gazzetta kienet għamlet u li s’issa għadu mistur. Mela din il-gazzetta xxandar ma’ Malta u Għawdex li hemm rapport maġisterjali u ma ssir l-ebda referenza x’qed tissuġġerixxi din l-inkjesta u wisq inqas għal rapport li qiegħed għand l-istess kumpanija stess u li jittratta l-istess suġġett u l-istess indaġini. Tista’ tifhem dawn l-affarijiet? Nista’ nimmaġina kemm qed titqalleb Mabel Strickland fil-qabar.

Hemm terminoloġija biex tiddeskrivi dan kollu. Din jgħidulha “damage control”, jiġifieri azzjoni li l-istess gazzetta qed tieħu biex tnaqqas il-ħsara li storja bħal din tista’ tagħmel lill-istess gazzetta.

The Sunday Times tkompli tgħidilna li għadhom ma jafux jekk l-akkużi jkunux fuq ħasil ta’ flus, li hija akkuża serja ħafna, jew xi ħaġa inqas serja bħal evażżjoni intenzjonata ta’ taxxa. Irridu niftakru wkoll li f’rapport illikjat tal-FIAU kien allegatament ta dettalji ta’ kif Keith Schembri kien għadda €650,000 lil Hillman f’20 tranżazzjoni suspettużi bejn l-2011 u l-2105.

Fl-2017 kien Simon Busuttil li ppreżenta abbundanza ta’ dokumentazzjoni li wasslet lill-maġistrat jiddikjara li kien hemm evidenza biżżejjed biex issir inkjesta maġisterjali. Minn dak iż-żmien, il-Partit Nazzjonalista kompla jisħaq għal inkjesta. Din saret u issa għandna wkoll ir-riżultat tagħha. Il-Partit Nazzjonalista issa qed jitlob, bir-raġun, biex din l-inkjesta ssir pubblika.

Skond kif irraportat l-istess Sunday Times of Malta issa l-affarijiet jistgħu jibdew jinbidlu u jkollna żviluppi ġodda. La Hillman ser ikun imressaq il-qorti ser ikunu jistgħu jixhdu d-diretturi tat-Times of Malta? Ma ninsewx li dawn l-istess diretturi laħqu ftehim finanzjarju ma’ Adrian Hillman barra mill-qorti.

Tgħid ser ikollna xiehda ta’ ġurnalisti tal-istess gazzetta? Tgħid nistennew inkunu nafu jekk kienx hemm istruzzjonijiet biex ikun oskurat ix-xogħol tal-Gvern Nazzjonalista taħt Lawrence Gonzi? Tgħid ser jitilgħu xi ġurnalisti tat-Times of Malta fuq il-pedana tax-xhieda u jgħidulna jekk Hillman qattx tahom direzzjoni jew addirittura għaddilhom xi storja biex jiktbu dwarha? Tgħid, jekk jitilgħu, jgħidilna jekk kellhomx ordni biex joskuraw il-Gvern ta’ Gonzi?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *