Tar-Repubblika: nies arroganti u tal-biża’
Blogpost minn persuna Nazzjonalista
Jiena Nazzjonalist minn ġuf ommi. Kemm hawn minn dawn in-Nazzjonalisti? Ħafna. Hawn numru kbir li huma Nazzjonalisti għax twieldu ġo familja Nazzjonalista u baqgħu jimmilitaw f’dan l-istess partit. Biss biex tkun Nazzjonalist ta’ vera trid taħseb, tifhem u tixtar dak kollu li hu t-twemmin tal-partit. Jien Nazzjonalist mhux biss għax twilidt ġo familja Nazzjonalista imma għax maż-żmien għaraft niżen u nagħmel differenza bejn it-twemmin tal-Partit Nazzjonalista u it-twemmin tal-Partit Laburista. Illum jien kburi li jien Nazzjonalist. Jien kburi li kont u għadni nħaddan sal-lum dawn il-valuri u l-prinċipji li dejjem għożżejt minn tfuliti.
Imma f’daqqa waħda, il-bieraħ 7 ta’ Marzu, staqsejt lili nnifsi, jien nista’ nibqa’ ngħożż dawn l-istess valuri u prinċipji? Jiena naf li l-Partit Nazzjonalista f’dawn l-aħħar snin qisu kien qed jittriegħed xi ftit, kien qisu qed jitbiddel, kien qisu qed jitlaq mill-binarji li dejjem sawruh. Biss dak li ġara l-bieraħ t’lura u ġejt mgħarraf bih il-bieraħ qed iħassibni, qed jinkwitani, qed iġagħalni nirrifletti u qed nidħol f’qoxorti u nara dan il-partit li jien dejjem għożżejt hux ser jinqata’ darba għal dejjem minn nies li issa dardru l-ilma li pruvaw jixorbu minnu.
Ippermettili Dr Mercieca nippruduċi silta minn ittra, li inti xandart f’wieħed mill-artiklu tiegħek, miktuba u maħruġa mill-għaqda Repubblika,
“you will be met with the strongest possible resistance on our part against any action you take if you attempt to take this matter further”.
Dan huwa kliem indirizzat mill-President Robert Aquilina lill-Kummissarju tal-Organizzazzjoniet Volontarji. Din hija għaqda, Repubblika, li ssawret mill-Partit Nazzjonalista. Ftakru ftit min kien qed imexxi din l-NGO fil-bidu tagħha u kemm ex-kandidati, ex-ambaxxaturi, nies li ħadmu f’segretarjati taħt gvernijiet Nazzjonalisti kienu u għadhom minn ta’ quddiem biex jippuppaw sidirhom f’din il-għaqda. Ftakru wkoll li biex kienu jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom kienu jużaw apparat u ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista. Ftakru wkoll li d-Dar Ċentrali kienet tintuża biex iżommu affarijiet tagħhom.
Illum ma għandhomx bżonn iżjed din l-għajnuna għax mid-dehra stanew sewwa għax hemm nies oħra li qed jippumpjawlhom. Numru mhux ħażin ta’ deputati, kandidati u attivisti tal-Partit Nazzjonalista għadhom sal-lum attivi ħafna u b’entużżjażmu jirkbu fuq il-karru ta’ din il-għaqda. Biss illum uriet wiċċha, mhux għax kellna bżonn nistennew.
Imma f’dak li nkiteb minn Robert Aquilina li jiġi ħu Carol Aquilina, membru parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, qabeż kull limitu ta’ diċenża. Illum fhimna li din l-għaqda għandha xi dritt divin li tkun ‘il fuq mil-liġi. Din il-għaqda mhux biss ma taċċettax ir-regoli tal-logħba imma iddikjarat li hi tiġi taqa’ u tqum minnhom. Din l-għaqda kellha l-ardir li tikteb kliem li qisu ħadd ma jista’ għalija. Din l-istess għaqda heddet lill-Kummissarju, uffiċjal għoli nnominat mill-parlament kollu u li jaqa’ taħt ir-responsabilita’ tal-istess parlament, li jekk jażżarda jkompli jagħmel dak li titlob minnu l-liġi, hu kien ser isib reżistenza li qatt ma ra bħala, minn din il-għaqda.
Minn taħsbu li intom ja qabda dittaturi? Minn tagħkom xi dritt divin biex tiddettaw istituzzjoni parlamentari kif taħdem? Minn tagħkom il-pajjiż f’idejkom? Minn taħsbu li intom ja qabda arroganti li m’intom kapaċi għal xejn ħlief li tiddettaw ir-regoli tal-logħba? Minn taħsbu li intom għax kontu kapaċi titfgħu ftit bajd, boroż bil-bewl u affarijiet oħra?
Intom taħsbu li jien bħala Nazzjonalisti rrid ikolli x’naqsam magħkom? Jien Nazzjonalist għax ngħożż il-valuri u l-prinċipji Nazzjonalisti. Jekk Dr Bernard Grech ma jiddikjarax li hu, u l-grupp parlamentari kollu, ma jaqblux ma’ din il-kitba arroganti u llegali jien mhux ser isibuni warajhom.
Hawn irrid nidħol fil-partikulari għaliex hemm deputati li huma mċappsin wisq ma’ din l-arroganza u llegalita’. Carol Aquilina, Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami, u oħrajn (biex ma nħalli lil ħadd barra imma jafu min huma) iridu jiddikjaraw ċar u b’mod kristallin li huma ser jieqfu jimmilitaw f’din l-għaqda tal-biża li waqgħet f’livell perikuluż u li tista’ tibda xi triq ta’ vjolenza fil-pajjiż.
Jekk ma jiġrix hekk jien ser inkun fuq ta’ quddiem biex nirribella kontra l-Partit Nazzjonalista għax nibża’ li din l-avviċinanza żejda li l-Partit Nazzjonalista għandu ma din l-għaqda perikuluża ser twassal biex jitkisser l-istess partit. Mela ser nagħmel ħiltu, u nitlob nies bħali li jemmnu fil-Partit Nazzjonalista, biex isemmgħu leħinhom ħalli nagħmlu l-almu tagħna kollu biex flok din l-għaqda tkisser il-partit glorjuż tagħna, nkunu aħna li nfarrku u nisparixxu lil din l-għaqda minn pajjiżna. Malta tagħna u mhux ser nippermettu lil ħadd jasal biex idaħħal id-dittatura.