Finanzi: Reġa’ beda jberraq fil-Partit Nazzjonalista?
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista wrew it-tħassib serju tagħhom miegħi li fil-PN reġa’ beda jberraq. Is-sitwazzjoni finanzjarja hija inkwetanti ħafna. Il-ħaddiema tal-media tal-Partit Nazzjonalista qed jistaqsu jekk hemmx flus biex jibqgħu jitħallsu. Il-pagi għax-xahar ta’ Marzu u April huma garantiti għaliex dawn jiddependu mill-maratona li ser issir dalwaqt. Infatti, din ser titħabbar illum jew fil-jiem li ġejjin.
Jidher li l-media tal-Partit Nazzjonalista tilfet ħafna reklami minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid kif ukoll għaliex l-udjenzi komplew jonqsu minflok ma żdiedu allavolja aktar nies qed joqogħdu aktar id-dar. Żgur li mhux sejra tajba bħal ma kienet qabel, jiġifieri fis-sena 2020.
Fost il-problema ewlenija hemm il-fatt li l-attitudni tal-Bord Editorjali l-ġdid. Dan l-istess Bord ġiegħel lin-newsroom kollha tagħti prijorita lill-aġenda ta’ Manuel Delia u sħabu tar-Repubblika. Dawn in-nies tas-suppost soċjeta’ ċivili saru jidhru ta’ sikwit fuq Net TV u l-gazzetti tal-PN, bil-konsegwenza li partitarji ġenwini Nazzjonalisti ma jifilħux la jaraw lil dawn in-nies u lanqas jaqraw il-kitba tagħhom. Dawn huma nies li għamlu tant ħsara lill-Partit Nazzjonalista. Allura hija ovvja li ħafna iżjed nies simpatizzanti tal-Partit Nazzjonalista qed jitbiegħdu mill-partit u l-media tiegħu.
Iżda l-problema tal-flus fil-PN għandha wkoll egħruq oħra. Min warrab lil Adrian Delia ħaseb li dawk n-negozjanti qrib il-klikka u li waqfu jgħinu lill-Partit sa kemm dam kap Adrian Delia, kienu ġejjin lura. Iżda jidher li dan il-pjan fallielhom għaliex numru ta’ negozzjanti li kienu waqfu jagħtu somma ta’ flus fis-sena mhux kollha reġgħu bdew jikkontribwu wara li leħaq Bernard Grech. Ftit biss minnhom reġgħu ġew lura u bdew jagħtu donazzjoni tagħhom wara li laħaq Kap Bernard Grech. Dan ħalla mpatt kbir fuq il-finanzi tal-Partit tant li hemm twissijiet li s-sitwazzjoni tant hija gravi li hemm bżonn li din il-maratona ssir u tkun suċċess kbir.
Fid-dawl ta’ dan l-inkwiet, fil-Media Link bħalissa għaddejja diskussjoni nterna kif l-istazzjon jista’ jnaqqas dan it-telf kollu billi jonqsu il-programmi ta’ NET TV.
Iżjed informazzjoni fil-jiem li ġejjin fuq dan il-blogg.