Jason Azzopardi u d-“Doppia Faccia” tal-media

F’dawn l-aħħar ġranet il-Prim Ministru qal li ser tixxandar scoop fuq membru tal-parlament, Jason Azzopardi, li ser tħammar wiċċ l-istess persuna. Sirna nafu li l-iscoop li rrefera għaliha l-Prim Ministru kienet dwar in-nuqqas ta’ preżentazzjoni tar-ritorn tat-taxxa.

Mela fil-kamp Nazzjonalista kellna t-tielet persuna li f’dawn l-aħħar xhur kienu b’xi mod jew ieħor misjuba li naqsu vis-a-vis id-dipartiment tat-taxxa. Kellna lil Dr Adrian Delia li qal li ma ssottomettiex f’sena minnhom id-dokumenti tat-taxxa. Wara kellna lil Dr Bernard Grech li mid-dehra kellu taħwida ħafna ikbar fejn kellha x’taqsam it-taxxa tiegħu u issa għandna lil Jason Azzopardi li ukoll ma ssottomettiex id-dokumentazzjoni meħtieġa dwar it-taxxa tiegħu.

Biss kif rreaġixxit il-media tar-rule of law għal dan kollu?  Oħroġ il-għaġeb, din il-media marret mill-ewwel tiddefendi lil Jason Azzopardi u ġabet l-iskuża li dan in-nuqqas hu dovut għall-fatt li huwa jinsab għaddej minn każ ta’ separazzjoni. Biss imbagħad, ħadd ma jrid jistaqsi għaliex waqt li għaddej minn din il-kawża ta’ separazzjoni ma ddikjarax dak li għandu x’jaqsam mat-taxxa tiegħu? Wieħed jistaqsi x’qal Jason Azzopardi lill-imħallef Antonio Vella dwar id-dħul tiegħu f’din il-kawża ta’ separazzjoni? Naħseb hu fl-interess tal-poplu li l-media tar-“rule of law” tinvestiga fuq dawn il-fatt wkoll kif jagħmlu fuq politiku ieħor.

Qed ngħid dan għaliex Jason Azzopardi ilu jgħid fil-pubbliku li huwa mistieken u ma għadux jaqla’ flus għaliex qed jaħdem b’xejn għall-kawża tal-familja Caruana Galizia. Imma jidher minn dak rappurtat s’issa li l-affarijiet mhumiex kif qed ipenġihom l-istess Azzopardi. Kieku dak li qed jgħid Azzopardi huwa minnu, ma tantx kien ikun diffiċli għalih biex jimla r-return tat-taxxa għaliex kemm idaħħal ir-return tad-dħul tiegħu mill-Parlament u minn xi entitajiet tal-istat fejn it-taxxa normalment tkun ġa ġiet maqtugħa minn qabel! Nispera li l-media tinvestiga dawn il-fatti aktar fil-fond.  

Infakkar li meta ħarġet l-aħbar li Dr. Adrian Delia waqa’ lura fit-taxxa, il-media bħal The Times u l-Malta Today għamlu kampanja sħiħa kontra tiegħu. Kemm saru mistoqsijiet dwar it-taxxa u d-dħul tiegħu. Ara fil-każ ta’ Azzopardi ppruvaw jiskulpawh mill-ewwel u wrew li mhux interessati li jinvestigawh. Huwa ċar li dawn jinvestigaw lil min jaqbilhom.

Infakkar li Dr Adrian Delia kien qal li f’sena minnhom kien dam ma ressaq id-dokumentazzjoni tat-taxxa tiegħu minħabba li kien għaddej minn separazzjoni. X’kien jonqos jintqal dak iż-żmien? Kien perjodu fejn rajna attakki bla limitu u kemm-il darba ntalbet ir-riżenja tiegħu minħabba din l-istorja tat-taxxa. Anki nies fl-istess Partit Nazzjonalista talbu għar-reżenja ta’ Adrian Delia. Dawn in-nies għadhom fil-Partit Nazzjonalista. Dawn kienu użaw kull skuża banali biex itajru lil Adrian Delia minn kap tal-Partit Nazzjonalista u rnexxielhom.

Iżda llum x’ġara? Mill-ħin li sirna nafu dwar in-nuqqas ta’ Jason Azzopardi diġa’ għadda numru ta’ siegħat mhux ħażin u l-ebda kumment fuq dan il-każ. Taħsbu li kienu għaddew xi siegħa dak in-nhar li ħarġet l-istorja fuq Adrian Delia? Illum kulħadd sieket u Dr Azzopardi jista’ jorqod trankwil għax il-Partit Nazzjonalista u l-media tal-“buonisti” m’hu ser jieħu ebda pass kontrih. Illum ħadd minn ġewwa l-Partit Nazzjonalista ser jaqlagħlu t-tamal għax ma qed jaraw xejn ħażin li Azzopardi ma ssottomettiex id-dokumentazzjoni tat-taxxa għax qalilna li għaddej minn separazzjoni.

Din il-fazzjoni jew klikka fil-Partit Nazzjonalista u l-media ħabiba tagħha tagħmel differenza skont il-persuna min tkun. Kif tista’ temmen lill-media meta dawn jinterpretaw żewġ separazzjonijiet b’modi totalment opposti? Lil wieħed jitolbu demmu u lil ieħor ipoġġuh fuq pedestal. Meta tara u tesperjenza dawn l-affarijiet u dawn id-differenzi kollha kif tista’ tafda lil din it-tip ta’ media? Verament dan hu każ ta’ “doppia faccia”.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *