Adrian Hilmann, Keith Schembri u The Times

Ġranet ilu t-Times of Malta nfurmatna permezz ta’ artiklu tagħha li l-Maġistrat Josette Demicoli kienet spiċċat l-inkjesta maġisterjali dwar l-allegat ħasil tal-flus li fih kienu mdaħħlin Keith Schembri, ex-Kap tas-Segretarjat tal-Prim Ministru u Adrian Hillman, ex-Managing Director tat-Times.

Ir-rapport ingħata lill-uffiċċju tal-Prosekutur Statali għall-konsiderazzjonijiet tiegħu. Fl-artiklu tagħha t-Times of Malta tagħtina ħafna nformazzjoni biss ma tgħid xejn dwar il-kontenut ta’ din l-inkjesta jiġifieri jekk l-maġistrata wasalx għall-konklużjoni li hemm potenżjal ta’ reat u għalhekk hemm bżonn li jitressqu nies il-qorti.

Fuq kollox, l-istess gazzetta ma ssemmix ir-rapport tal-inkjesta nterna li kienet mmexxija mill-Imħallef Giovanni Bonello. Dan ir-rapport it-Times of Malta żammitu mistur.

Ma ninsewx li t-Times of Malta hija waħda mill-gazzetti li sigwit tippriedka u tistaqsi għal governanza tajba minn ħaddieħor. Din il-gazzetta tkun minn ta’ quddiem biex tesiġi t-tajjeb minn ħaddieħor imma dejjem tipprova tnessi għemilha.

Fuq kollox, din il-gazzetta laħqet ftehim ma’ Hillman barra mill-qrati. Ma tarax mhux ser tmur il-qorti u jkollha xxerred l-informazzjoni miġbura u miktuba fir-rapport! Dawn ma kienux komdi jikxfu għawwarhom fil-pubbliku.

Il-mistoqsija tiġi waħedha, x’jaf Hillman dwar it-Times of Malta? Hemm xi ħaġa mistura fir-rapport li tista’ tikxef affarijiet serji u jaħarqu?

Għandu raġun il-Partit Nazzjonalista jitlob li din l-inkjesta tiġi ppubblikata kemm jista’ jkun malajr. Nisperaw li l-Partit Nazzjonalista mhux ser ikollu jerġa’ jagħmel, kif għamel l-ex-Kap Dr Delia fil-każ tar-rapport Egrant. Nittamaw li l-Partit Nazzjonalista mhux ser ikollu jiftaħ kawża kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali biex il-poplu jkollu aċċess għal din l-inkjesta.

Ma ninsewx li dan Hillman kien il-managing director tat-Times għal perjodu twil mhux ħażin. Ejjew inżommu f’moħħna li l-qorti fil-konfront ta’ Adrian Delia tatu d-dritt li jkollu kopja tal-inkjesta pubblika għax kienet inkjesta li tinteressa lilu. Mela jekk tintuża l-istess riga, anke t-Times of Malta għandha dritt titlob il-kopja tar-rapport ta’ din l-inkjesta għax tirrigwarda lilha.

Hawnhekk ta’ min jistaqsi. It-Times of Malta ser titlob kopja ta’ din l-inkjesta? U jekk tingħata kopja ser tippubblikaha? Wieħed jistenna li The Times tikteb editorjal biex tinforma lill-qarrejja x’ser tagħmel u jekk għandhiex interess li dan ir-rapport isirx pubbliku?

Leave a Reply