Huwa mportanti li Prim Ministru jżomm il-kalma anki f’sitwazzjonijiet diffiċli
Il-bieraħ, Prim Ministru Robert Abela, il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne u Profs Charmaine Gauci taw konferenza tal-aħbarijiet fejn ħabbrulna aktar miżuri kontra il-Covid19. Jista’ jkun li għal ħafna din dehret bħala xi ħaga “too little too late”. Għalija din mhix il-qofol tal-kwistjoni.
Biss dak li kien impressjonanti l-bieraħ kien in-nuqqas ta’ kalma li biha ndirizza l-poplu Malti u Għawdxi l-Prim Ministru ta’ Malta. Għal aktar minn darba deher irrabjat u beda jħossu li mhux qed jiġi muri rispett biżżejjed għall-impenn qawwi li hu qed jħoss li kien qed jagħmel. Nifhem li ċertu ġurnalisti jġibulek demmek ilma. Biss il-kapaċita’ ta’ Prim Ministru hija dik li anki f’sitwazzjonijiet diffiċli jżomm il-kalma.
Jidher li l-Prim Ministru kien xi daqsxejn ma jiflaħx. Jekk dan kien il-fatt, l-aħjar kieku baqa’ d-dar għall-kura neċessarja u kien iħalli f’idejn il-Viċi-Prim Ministru u Profs Gauci.
Meta persuna fit-tmun tipprova tiġbed simpatija billi tiddikjara bħal ma għamel il-Prim Ministru, l-istat ta’ saħħtu, iktar iwa milli le, jkollha effett negattiv fuq min ikun qed jisimgħu.
Fuq kollox, bħal kull Prim Ministru, Dr Abela kien jaf għal liema responsabilita’ kien dieħel għaliha. Il-mod kif irreaġixxa ta wieħed x’jifhem li qed ibati taħt il-piż tan-nazzjon. Il-messaġġ ġie moqri li r-responsabilita’ qed tħalli effett ikrah fuqu.
Nerġa’ ngħid, nifhem li l-ġurnalisti jistgħu jitilfulek il-kalma. Imma hu xogħol il-prim ministru li jżommha anki jekk iħossu mgħaffeġ taħt ir-responsabilita’ politika. Importanti li jibqa’ kalm u ma jħallihiex taqbiżlu bħal meta b’attitudni xejn diplomatika waqqaf lill-Profs Gauci milli tkompli twieġeb u ta ħasla xejn sabiħa lill-ġurnalista tat-Times of Malta.
Mhux għax din il-gazzetta ma ħaqqhiex ħasla. Imma hemm forum oħra fejn din tista’ ssir. Fuq kollox, din il-ġurnalista kienet qed tagħmel xogħolha meta staqsiet jekk dak imxandar illum kellux il-benedizzjoni totali tal-qasam xjentifiku. Il-Prim Ministru flok wieġeb sempliċiment iva, fetaħ attakk fuq l-istess ġurnalista. F’dik id-dagħdiha qalilna li hu ħareġ għax-xogħol minkejja li kien qed iħossu stordut u kien qed jieħu l-mediċina. Qalilna wkoll li hu l-uniku Prim Minstru li kellu jiffaċċja pressjoni enormi biex iħares l-ekonomija waqt li jpoġġi s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi l-ewwel u qabel kollox.
Meta Prim Ministru, jkun min ikun, juri li qed ibati minn stress enormi, jitfa’ dubbji kbar fuq kemm għandu l-kapaċita’ li jmexxi pajjiż f’mument hekk kritiku.
Kull Prim Ministru ikollu mumenti diffiċli fil-karriera tiegħu fejn l-umanita’ tieħu s-sopravvent. Irridu niftakru meta Eddie Fenech Adami kien qal dik il-frażi ‘fejn huma l-Laburisti?’ wara li kien ħareġ minn każ il-qorti. Dak in-nhar kien taħt pressjoni kbira u għamel żball kbir.
Il-problema hija li Dr Abela tilef il-kalma darbtejn f’ġimgħa. Forsi għall-Laburisti din tidher normali għaliex f’moħħhom tiġi l-figura ta’ Dom Mintoff. Biss Mintoff kien jirritalja b’ton pjuttost iebes u salvaġġ. Biss kellu l-kapaċita’ li jibqa’ taħt kontroll anki fir-rabja tiegħu. Forsi hawn fejn għandna niftakru wkoll f’mexxej ieħor li għadda minn pressjoni enormi kemm minn barra kif ukoll, u żgur li agħar, minn ġewwa imma dejjem irnexxielu jżomm lura u juri rispett lejn l-avversarji u l-ġurnalisti. Hawn qed nirreferi għal Adrian Delia. Irridu niftakru li kemm l-avversarji politiċi tiegħu kif ukoll il-biċċa kbira tal-ġurnalisti kienu kontinwament jippruvaw ikissruh u forsi anki irnexxilhom. Biss xorta żamm il-kalma.