Where your opinion counts

Grech qed jibgħat għall-Partitarji mweġġgħin Nazzjonalisti

Kumment minn Osservatur Politiku

Il-Partit Nazzjonalista qed jippriedka l-għaqda. Dr Bernard Grech qed iħambaq kemm jiflaħ u jsejjaħ fl-uffiċċju tiegħu nies biex jipprova jdewwi l-feriti miftuħin ta’ partitarji kbar tal-partit. Qed isejħilhom biex jikkonvinċihom li dak li għamlu l-klikka kienet xi ħaġa li saret fuq livell personali kontra l-kap ta’ qablu imma issa hemm bżonn li kulħadd jiġbed ħabel wieħed għall-ġid tal-partit.

Jiena mhux ser noqgħod naħli ħin miegħu personali u fuq dak li qed jagħmel, imma ser nikkonċentra fuq dak li għadu jsir madwaru minn xi uħud li misshom jafu ħafna aħjar jew jekk ma jafux jibdew jitgħallmu. Dan ser nagħmlu għax huwa ovvju u ċar li Dr Grech huwa bħal għasfur tal-passa li ser jgħaddi żmienu malgħajr u jisparixxi.

Tidher li sfortunatament Dr Grech ma fehemx li ġie użat u ser ikun mormi fi żmien mhux il-bogħod. Fl-aħħar ġranet rajt xena ta’ Dr Grech jinqabad f’lift bil-ġurnalisti jippruvaw jistaqsuh xi mistoqsijiet u deher ċar li kien skomdu jirrispondi. Imma kellu miegħu wieħed mil-ġenerali ta’ madwaru, Alessandro Farrugia.

X’għamel dan? Qagħad iħares u jgerger li l-ġurnalisti mhux qed iħallu l-lift jingħalaq. Naħseb li l-kardinal tal-Mdina għandu bżonn isejjaħ lil dan Alessandro issa u jagħtih ftit ħjiel dwar xi trid tagħmel meta tkun qed takkumpanja l-kap tiegħek. Araw kemm isir tgergir fuq Richard Cachia Caruana imma jiena nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem li fejn kien jidħol Dr Eddie, Richard qatt ma ħallih isib ruħu b’xi sitwazzjoni mbarazzanti, kien fejn kien. Tiegħu trid tagħtihulu u fuq dawn is-sitwazzjonijiet jiena nista’ ngħid li Richard kien eċċellenti. Richard, jiena naf li inti l-partit tħobbu. Naf ukoll li qatt ma ġerraħt lil Adrian Delia imma naf ukoll li bħalissa erġajt sejjer tajjeb mal-irjus il-kbar.

Mela għajjat lil kull min hemm madwar Dr Grech u tihom ftit lezzjonijiet ta’ xi tfisser tkun personal assistant. Ħaġa oħra li nixtieq inkun naf hi, min qed jiġbed l-ispaga u min qed jiddeċiedi x’jintwera fil-medja tal-partit. B’dak li għamiltu din il-ġimgħa la jien u lanqas eluf oħra ma nistgħu naħfrulkom. Hawn qed nirreferi għal mod kif Adrian Delia ġie ċċensurat b’mod pulit u bil-kemm tħalla jitkellem fuq l-istazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq il-kawża li qed jagħmel kontra l-Gvern.

Il-kap tagħkom qed jipprova jgħaqqad u intom, għax nafu li lanqas lil Dr Grech ma tridu. għax tgħidu li ma huwiex għall-altezza tagħkom, qed tkomplu tnaqqru ħafna iżjed voti lil-Partit Nazzjonalista. Ir-riżultat ser jirrifletti l-arroganza tagħkom fit-tkaxkira li hemm lesta għalikom fl-elezzjoni li ġejja. Intom nies irresponsabbli. Intom nies diviżivi u elitisti. Qabel tispiċċaw intom, ja lifgħat valenużi, il-Partit Nazzjonalista qatt ma hu ser jieħu r-ruħ. Warrbu biex forsi naraw xaqq dawl. Itilqu mid-Dar Ċentrali għax ġibtuha agħar minn toqba tal-ġrieden.

Sewwa qalilkom Dr Fearne – when you are in a hole stop digging. Lanqas qed tirrealizzaw kemm għandu raġun.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *