Jason Azzopardi ma jistax juża l-Parlament għall-interessi tiegħu
Huwa disgustanti u inaċċettabbli li deputat fil-parlament juża ħin din l-istituzzjoni biex iressaq argumentazzjoni, jesponi ħsibijietu u jinżel fuq livell personali ta’ nies li m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-parlament. Jien ma nistax nifhem kif Partit iħalli membru parlamentari tiegħu juża ħin tal-partit fil-parlament biex jitkellem fuq xi persuna individwali. Jekk isir hekk ikun qed jitwassal messaġġ li l-parlament sar estensjoni tal-kwartieri ta’ xi partit jew ieħor.
Waqt aġġornament it-Tlieta 2 ta’ Marzu 2021 qam deputat Nazzjonalista, Jason Azzopardi, u esprima l-opinjoni tiegħu fuq suġġett totalment personali fuq persuna individwali li kellha każ li jmur lura għal 2013. B’liema dritt dan id-deputat iqum jitkellem fuq każ li jista’ jitqies bħala wieħed ta’ natura amministrattiva u jagħmel dan billi juża ħin preżżjuż tal-partit tiegħu?
Veru li l-aġġornament jittieħed minn deputat u għandu l-fakulta li jitkellem fuq dak li jrid. Imma tmur kontra kull loġika li fil-parlament naslu biex nesponu ideat fuq każ indiviwali u partikulari li ma għandu x’jaqsam xejn max-xogħol parlamentari u mal-fakulta’ li għandu membru parlamentari biex jiddiskuti xi ħaġa purament politika.
X’għandu x’jaqsam mal-parlament każ ta’ persuna privata li seta’ għadda minn xi sfortuna? Dan huwa ħin li kull Partit u kull membru għandu juża biex iressaq argumenti, jikkritika, jesponi xi ħaġa li ma tkunx sejra sewwa jew ukoll biex iressaq ħsibijiet fejn jista’ jsir titjieb għal ġid tal-kostitwenti tiegħu jew tal-poplu ġenerali.
Imma jien ma nħossx li partit, hu liema hu, għandu jħalli membru parlamentari tiegħu jagħmel diskors fuq persuna partikulari li jista’ jkun ukoll klijent tiegħu. Dan mhux biss huwa ħela ta’ ħin tal-parlament imma huwa nuqqas kbir lejn il-Partit li jippreżenta u serq sfaċċat ta’ ħin minn deputati oħra u mill-partit tiegħu stess. Kollox għandu postu u ħinu.
Id-dixxipplina hija sabiħa kullimkien. Ir-regolamentazzjoni hija neċessarja. Id-diskussjoni hija mportanti. In-nuqqas ta’ qbil għandu jkun evidenti. L-argumentazzjoni għandha tkun professjonali. Imma l-ħela ta’ ħin ma hu tajjeb għal ħadd, aħseb u ara kemm nistgħu nippermettu ħela ta’ ħin fl-għola istituzzjoni ta’ pajjiżna, meta diġa nafu li l-ħin għad-diskussjoni parlamentari hija diġa limitata.
Il-parlament għandu jkun il-post li jitlob l-għola livell ta’ kredibilita’. Żelqiet bħal dawn għandhom ikunu evitati. Jekk le, il-parlament nistgħu nibdlulu postu ma’ xi teatru fejn nirreċtaw jew nimterpretaw drammi traġiċi.